Onorevoli Deputat Prim Ministru Chris Fearne
Onorevoli Stephen Spiteri
Għeżież ħbieb
Minn qalbi nilqagħkom għal din il-konferenza, li għar-raba’ sena qed tiġi organizzata min-National Cancer Platform Association, bil-kollaborazzjoni ta’ Communique u numru ta’ sponsors, fl-okkażjoni tal-Jum Dinji kontra l-Kanċer.
Nibda billi ngħid, li aħna poplu xortina tajba. Dan huwa ċertifikat li jagħtuna speċjalisti barranin fis-settur. Ma mmur l-ebda sptar barra minn pajjiżna fejn ma’ jfaħħrux is-sistema tas-saħħa tagħna u l-kontribut qawwi li jagħtu l-għaqdiet mhux governattivi Maltin.
Bħala poplu, għandna nkunu moħħna mistrieħ li teżisti r-rieda politika, biex il-qasam tas-saħħa, u speċifikament anke dan is-settur tal-kanċer ikompli jissaħħaħ.
Irrid nagħti ħajr lid-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, flimkien mat-team tiegħu, għad-dedikazzjoni u l-impenn u l-kollaborazzjoni li dejjem sibna.
Din is-sena, f’din l-okkażjoni, ser niffukaw fuq l-empowerment, kemm tal-pazjenti u l-familji tagħhom, kif ukoll tal-professjonisti, abbli u vvokati, li jieħdu ħsiebhom.
Bħalma lkoll nafu, d-dijanjożi tal-kanċer iġġib, psikoloġikament fil-persuna, sens ta’ qtigħ il-qalb, u ftit li xejn jitħalla lok għal ħsieb pożittiv u tama.
Iżda jibqa’ l-fatt li, għalkemm ma nistgħu nagħmlu xejn biex inbiddlu dik id-djanjożi, xorta jibqa’ ħafna x’wieħed jew waħda jista’ jagħmel, jekk ikun hemm il-ħiliet personali, l-ambjent adattat u strateġiji maħsuba biex jgħinu lill-pazjenti, il-familjari tagħhom u lill-professjonisti.
Huwa proprju għalhekk, li l-membri tal-panels li se jieħdu sehem illum, se jaqsmu l-ħsibijiet u l-idejat tagħhom dwar dan, bil-għan li jkomplu jsaħħu l-għarfien meħtieġ dwar kif, bħala nazzjon, nistgħu nagħmlu aktar biex inkomplu ntejbu l-kura tal-kanċer b’mod ħolistiku.
Fi kliem il-Cancer Research UK, “l-ebda persuna, l-ebda organizzazzjoni jew l-ebda pajjiż, mhu ser jegħleb il-kanċer waħdu. Jeħtieġ li naħdmu flimkien. ”
L-okkażjoni li jagħtina dan il-Jum Dinji tinkoraġġixxi din l-għaqda u s-sinerġija, fuq livell kemm lokali u internazzjonali.
Napprezza ħafna li l-konferenza tal-lum qed twieġeb għal din is-sejħa internazzjonali għall-azzjoni, billi nenfasizzaw il-ħtieġa li l-individwi, il-komunitajiet u l-istituzzjonijiet jkunu empowered b’mod effettiv, għall-ġlieda kontra l-kanċer, għall-kura, u għall-management tiegħu.
Matul l-aħħar ħames snin, iltqajt ma’ numru dejjem jikber ta’ individwi u familji li jgħixu bil-kanċer, kemm bħala President kif ukoll permezz tax-xogħol li għamilna fil-Malta Community Chest Fund Foundation, permezz tan-National Cancer Platform Association, u wkoll, permezz ta’ l-Emanuele Cancer Research Foundation, fi ħdan il-President’s Trust Foundation.
Iltqajt u smajt, ħafna individwi u familji, jispjegawli t-tħassib u x-xewqat tagħhom, u fil-proċess, stajt nevalwa li għad fadal ħafna xogħol xi jsir biex nassiguraw li ċ-ċittadini tagħna jingħataw l-empowerment kollhu, biex jgħinu lilhom nfushom fl-isfida li jġib miegħu l-kanċer.
Meta ffaċilitajt it-twaqqif tal-National Cancer Platform Association, żammejna fuq quddiem, il-kontribut li tagħti s-soċjetà ċivili …… kontribut li tant huwa essenzjali biex ngħinu b’mod ħolistiku lill-individwi u l-familji tagħhom, fl-isfidi li jġib miegħu il-kanċer.
Jiena kburija li n-National Cancer Platform Association qed iġġib flimkien id-diversi organizzazzjonijiet mhux governattivi, li jaħdmu fis-settur tal-kanċer f’Malta. L-iskop huwa biex niffaċilitaw aħjar l-għajnuna li tinħtieġ tingħata lill-individwi u l-familji milquta, u fl-istess waqt inkunu f’qagħda li nistgħu inressqu ‘l quddiem, ir-rakkomandazzjonijiet u s-suġġerimenti tagħna flimkien, lill-awtoritajiet.
Eżempju tipiku ta’ dan ix-xogħol flimkien kien propju fl-iżvilupp ta’ l-Istrateġija Nazzjonali kontra l-Kanċer.
Għaldaqstant, din il-konferenza u l-oħrajn ta’ qabilha, provdew u qed tipprovdi kuntest nazzjonali, biex inkunu nistgħu nesploraw aktar strateġiji biex jgħinu u jsostnu in-nies li jgħixu bil-kanċer, u l-familji tagħhom.
F’dan il-kuntest, nemmen ukoll li għandna nżommu f’moħħna numru ta’ fatturi essenzjali.
L-ewwel u qabel kollox, irridu nkunu ggwidati mir-rispett lejn id-dinjità tal-pazjenti u tal-familji tagħhom.
Il-bnedmin qatt ma nistgħu nħarsu lejhom bħala sempliċiment numru, minħabba l-kundizzjoni tagħhom. Il-kumplessità tal-personalitajiet u l-ħtiġijiet uniċi ta’ kull wieħed u waħda minna, għandha dejjem tingħata prijorità, f’kull pass li nieħdu, fil-proċess ta’ dan il-vjaġġ sensittiv.
Nemmen ukoll li l-pazjenti jrid ikollhom aċċess għall-għarfien meħtieġ dwar il-kundizzjoni, it-trattament u s-servizzi li jingħataw. Kif jgħid il-Malti, “bniedem avżat, nofsu armat.”
Jiena nemmen li meta l-persuna tkun infurmata dwar saħħitha, u l-possibilitajiet li jeżistu, tkun f’qagħda li tista’ tagħmel l-għażliet l-aktar adattati għall-bżonnijiet partikolari tagħha.
Barra minn hekk, aħna lkoll nafu li l-edukazzjoni hija ċ-ċavetta, għalhekk, l-informazzjoni bil-lingwa li jifimha kullħadd, u li tingħata b’mod adegwat, għandha tkun fuq quddiem ta’ l-oġġettivi tagħna, fil-proċess tal-kura.
Nemmen ukoll li t-tagħlim tal-ħiliet psikosoċjali u tal-imġiba addattata huma ta’ importanza kritika, sabiex l-individwi jħarsu s-saħħa emozzjonali u psikoloġika tagħhom, anke f’sitwazzjoniet ta’ mard serju.
Ma nistgħux nitkellmu dwar il-wellbeing sħiħ tal-bniedem mingħajr ma’ niffukaw biżżejjed fuq id-dimensjonijiet kollha li jolqtu lill-persuna umana.
Jinħtieġ, li f’dan il-kuntest, jkun hemm ukoll sapport sħiħ mill-familja, ħbieb, netwerks soċjali ta’ l-individwu, u tal-komunita’ fejn jgħix, mhux biss fil-mument tad-dijanjożi, iżda wkoll matul il-vjaġġ kollu.
Dan is-sapport jista’ jiġi ffaċilitat mill-awtoritajiet tagħna flimkien mal-attivisti tas-soċjetà ċivili. Jinħtieġ li nemmnu li lkoll għandna responsabbiltà personali li nkunu ta’ solidarjetà għal xulxin.
Fattur ieħor importanti, li forsi ma tantx nitkellmu fuqu, huwa s-sehem sħiħ tal-pazjent, …… il-bżonn li ngħinuhom jiksbu l-kuraġġ, billi jħossuhom li huma kontributuri f’dan il-vjaġġ, mhux biss għalihom stess, iżda għal oħrajn ukoll.
Il-membri tal-NGOs li jiffurmaw in-National Cancer Platform Assocation, li jagħmlu tant ġdid mal-pazjenti tagħna, flimkien mal-professjonisti u ħaddiema oħra psiko-soċjali, qed jgħinu bis-sħiħ biex dan iseħħ. Iżda minkejja dan, ma’ nistgħux inserrħu rasna, għax għad fadlilna ħafna x’nistgħu nagħmlu.
Jinħtieġ li nkomplu nismgħu lil xulxin, naqsmu bejnietna l-perspettivi ta’ xulxin, u niftħu moħħna aktar għat-tagħlim, bħalma qed nagħmlu permezz ta’ din il-konferenza. B’hekk nkunu qed noħolqu spazju fejn kulħadd jħossu parti integrali fil-ġlieda kontra l-kanċer.
Waqt li kont qed nipprepara għal din il-konferenza, ġie f’idejja artiklu ntitolat “Empowerment of Survivors of Cancer”, li qed jidher fil-Ġurnal Uffiċjali tar-Riċerka Medika. Dan l-istudju jagħmilha ċara li s-sapport, l-informazzjoni u l-edukazzjoni tal-pazjent huma essenzjali biex jinkiseb sens ta’ direzzjoni u wellbeing sostenibbli.
Ħa nsemmi wkoll artiklu riċenti mill-Cancer Journal, intitolat “Spirituality in Cancer Care”. Din ir-riċerka turi l-ħtieġa li l-spiritwalita’ tkun ukoll parti mill-kura li tingħata.
Skont din ir-riċerka, il-pazjenti u l-familji tagħhom, jagħtu importanza lill-ispiritwalità, matul il-vjaġġ tagħhom.
Dan l-istudju jkompli jgħid li hemm għarfien, li qiegħed dejjem jikber biex il-membri kollha tat-tim mediku jiksbu anke l-ħiliet, biex jkunu jistgħu jipprovdu ċertu livell ta’ sapport spiritwali.
Għal din ir-raġuni, irridu niżguraw li jkun hemm aktar attenzjoni biex il-kura tkun aktar iffokata fuq il-persuna u fuq il-familja, biex jkun hemm ambjent li jirrispetta d-diversità tar-reliġjonijiet, u tal-kulturi, li jeżistu fil-Gżejjer Maltin illum.
Irrid nieħu wkoll din l-opportunità biex nifraħ ix-xogħol bla heda li qed isir mill-voluntiera fl-NGOs tagħna u l-professjonisti mediċi u psiko-soċjali, li qed jiddedikaw ħajjithom għal nies li qed jgħixu bil-kanċer, u l-familji tagħhom.
Intom tassew champions tas-solidarjetà, u mudelli ta’ dak kollu li hu sabiħ u tajjeb fil-komunitajiet tagħna.
Grazzi tar-reżiljenza li qed tagħtu permezz ta’ ħidmietkom u li hija tant importanti f’dan il-vjaġġ, fi żmien tant delikat, fil-ħajja ta’ dawn ħutna.
Huwa biss billi naħdmu flimkien b’impenn sħiħ, biex nagħtu s-solidarjetà, u billi naħdmu f’sinerġija ma’ xulxin, li nistgħu nkunu effettivi għat-talbiet kumplessi ta’ trattament, kura, management, u riċerka dwar il-kanċer.
Nixtieq naqsam magħkom il-kliem ta’ ispirazzjoni ta’ Stuart Scott.
Stuart Scott kien personalità televiżiva internazzjonali fil-qasam ta’ l-isport, u l-ġlieda tiegħu mal-kanċer kienet imsejsa fuq perspettiva b’saħħitha lejn il-ħajja.
Huwa kien jgħid li l-bniedem jista’ jegħleb l-isfidi tal-kanċer biss bil-mod kif jgħix, u b’liema skop jgħix.
Għalhekk inħeġġeġ li kull wieħed u waħda minna ngħixu l-ħajja tagħna kif nixtiequ aħna, u mhux ikkontrollata jew imrażżna bil-biża’ tal-kanċer.
Dan huwa l-messaġġ li nixtieq naqsam magħkom illum. Nawgura li, bħala soċjetà Maltija, nibqgħu magħqudin flimkien, biex inkomplu nappoġġjaw lil xulxin biex ngħixu ħajja b’saħħitha u produttiva.
Jien konvinta li bir-reżiljenża u bid-dinjità nistgħu naffaċċjaw dawn l-isfidi.