Fil-Palazz ta’ Sant’Anton, il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca ppresediet it-tnedija tat-tieni edizzjoni tal-Qaritona Nazzjonali fl-iskejjel primarji, organizzata minn The President’s Trust Foundation u mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu. Bil-fondi li se jinġabru mill-edizzjoni tal-qaritona ta’ din is-sena, se jinxtraw għodda edukattivi biex jgħinu tfal bl-awtiżmu fis-snin bikrin li ma jikkomunikawx bit-taħdit.
Il-President Coleiro Preca stqarret li tinsab kburija li ġiet mnedija din it-tieni edizzjoni tal-Qaritona Nazzjonali. Il-President spjegat li l-qaritona, hija kampanja li permezz tagħha, “inżidu l-għarfien dwar l-importanza tal-qari fost it-tfal u ż-żgħażagħ tal-iskejjel primarji tagħna, filwaqt li nħaddnu bis-sħiħ il-valur tas-solidarjetà. Permezz tal-qari, pajjiżna, fil-ġejjieni jista’ jkollu mexxejja li jkunu ħassieba kritiċi, għaliex it-tfal tagħna, huma il-mexxeja futuri ta’ dan il-pajjiż.”
Bis-saħħa tal-Qaritona Nazzjonali wkoll, tenniet il-President, “it-tfal u ż-żgħażagħ tagħna mhux biss qed jagħmlu biċċa xogħol siewja għalihom infushom, iżda ser jkunu qed jgħinu lil ħaddieħor, għaliex bis-sehem tagħhom f’din il-Qaritona Nazzjonali ser jkunu qed jinfetħu l-bibien għal kull tifel u tifla, ħalli t-tfal tagħna kollha jħossuhom empowered sabiex f’din Malta tagħna, kulħadd jkollu ċ-ċans li jaħseb, bl-aktar mod kritiku u jikseb id-dinjità tiegħu jew tagħha.”
Il-President Coleiro Preca rringrazzjat lil kull min kien involut fl-ewwel edizzjoni u issa, fit-tieni edizzjoni tal-Qaritona Nazzjonali, u rringrazzjat ukoll bil-quddiem lit-tfal tas-sehem tagħhom.