Kien unur u privileġġ għalija li tul dawn il-ħames snin kelli l-opportunità li naqsam magħkom, bħala waħda minnkom, din l-esperjenza bħala l-President ta’ Malta.
Tul dan iż-żmien ħdimt qatigħ sabiex naqdi d-dmirijiet kostituzzjonali tiegħi għaliex jien nemmen li d-demokrazija hija l-aqwa għodda li preżentament għandna biex niċċelebraw id-dinjità umana u nħarsu d-drittijiet umani u l-paċi fil-komunitajiet tagħna u fis-soċjetà tagħna.
Kien privileġġ għalija li nservi bħala l-President tagħkom u jien tassew grata lejn ir-rappreżentanti tal-poplu fil-Parlament fejn għall-ewwel darba n-nomina tal-President ta’ Malta kien hemm qbil unanimu dwarha, kemm mill-gvern kif ukoll mill-oppożizzjoni, minkejja li kont ġejja min-naħa tal-gvern.
J’Alla dan il-qbil unanimu jkompli jirrenja għas-suċċessuri tiegħi, għaliex il-President ta’ pajjiżna m’għandux ikollu partiti iżda jrid jaqdi lill-poplu b’lealtà u b’kuxjenza u mhux biex jingħoġob.
Għaldaqstant, fi tmiem it-terminu tiegħi, irrid nagħti ħajr lill-gvern u lill-oppożizzjoni li minkejja mhux l-ewwel darba kont kritika, aċċettaw b’rispett dak li għidt u apprezzajt li kien hemm anke suġġerimenti li ttieħdu.
Irrid nagħti ħajr fuq kollox lill-poplu Malti u Għawdxi kollu kemm hu għar-rispett u għall-appoġġ li tani.
Nagħti ħajr ukoll lil dawk fostna li anke kkritikawni forsi kultant b’għaġla u mhux bil-ħsieb għaliex tgħallimt ħafna mingħandhom ukoll.
Tgħallimt minn kulħadd speċjalment meta ġejt fostkom. Tgħallimt mit-tfal u miż-żgħażagħ tagħna. Tgħallimt l-aktar fuq kemm aħna kapaċi individwalment iżda aktar u aktar kemm aħna kapaċi meta nkunu magħqudin u nieqfu ma’ xulxin.
Illum aktar minn qatt qabel nemmen li għandna l-abbiltà li nkunu uniċi. Għandna l-abbiltà li jekk irridu ħadd fostna ma jħossu waħdu. Għandna l-abbiltà li nsaħħu l-għaqda u saħansitra nġibu l-paċi fost il-ġnus.
Uliedna jixtiequna magħqudin u jridu minn Malta pajjiż fejn ħadd ma jbati u jkun eskluż.
Uliedna jriduna nirrispettaw lil xulxin. Uliedna ma jridux ġlied iżda jridu li Malta tagħna tilqagħhom u tagħtihom is-serenità f’qalbhom u f’moħħhom.
Għeżież żgħażagħ Maltin u Għawdxin, inħeġġiġkom biex tkunu l-attivisti ta’ Malta valutata għal ħidmietha ġenwina favur poplu inklussiv u reżiljenti, biex jekk Alla jrid, għada tkunu l-mexxejja denji u etiċi ta’ pajjiżna.
Għeżież ħuti Maltin u Għawdxin, nassigurakom li l-esperjenzi kollha li għaddejna flimkien se jibqgħu minquxin f’qalbi b’imħabba u b’għożża.
Nixtieq nieħu din l-opportunità sabiex nawgura lil Dott. George Vella kull suċċess fl-irwol ġdid tiegħu bħala l-President ta’ Malta.
Minn qalbi nawgura li, f’kapaċità ġdida, inkompli nkun ta’ servizz sabiex ikollna paċi sostenibbli, prosperità inklussiva u well-being ħolistiku fostna bħala l-poplu tal-gżejjer Maltin, fir-reġjun Ewro-Mediterran u lil hinn.
Grazzi minn qalbi.