Waqt riċeviment fl-okkażjoni tal-Jum Nazzjonali tal-Eġittu, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca appellat lill-mexxejja tad-dinja jieqfu kontra l-inġustizzji li qed jinħolqu
Il-President Coleiro Preca uriet solidarjetà man-nisa li qed jiġu ippersigwitati f’kunflitti b’mod partikolari fl-Afrika u fl-Asja.
Spjegat kif in-nisa u l-ommijiet jistgħu jkunu l-vuċi għal dawk li qed isofru mill-inġustizzji.
Qalet li irrispettivament mill-kultura, razza jew reliġjon l-umanità għandhom ikollhom id-dritt tal-ħajja.
Il-President Coleiro Preca semmiet is-sitwazzjoni politika fl-Eġittu u kif Malta se tibqa’ impenjata biex tagħti l-appoġġ tagħha lil kull inizzjattiva meħuda mill-Gvern Eġizzjan favur l-istabbilità politika, it-tisħiħ tad-demokrazija u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem.
Il-President qed tħares ‘l quddiem li ż-żewġ pajjiżi jilħqu l-potenzjal fis-settur turistiku.
Spjegat kif dan jista’ jseħħ permezz tar-ritorn fit-titjiriet diretti mill-Eġittu lejn Malta.
Il-President Coleiro Preca qalet li pajjiżna jinsab kommess li jkompli jsaħħaħ ir-relazzjonijiet bilaterali mal-Eġittu.
Sostniet li dan jista’ jseħħ permezz ta’ skambji edukattivi fi ħdan l-Akkademja Mediterranja għall-Istudji Diplomatiċi u fi ħdan l-Istitut Internazzjonali tal-Liġi Marittima.