Espert tal-Ġnus Magħquda fil-Qasam Ambjentali, waqt konferenza li ġiet organizzata illum, tenna li ma’ nistgħux nippretendu li l-awtoritajiet waħidhom għandhom jsolvu il-problemi ambjentali madwar id-dinja, iżda kull wieħed u waħda minna jrid jagħti l-kontribut tiegħu jew tagħha f’dan il-proċess ta’ bidla.
Prof Arthur Dahl, President ta’ l-International Environment Forum, u eks Assistent Direttur Eżekuttiv tal-Programm Ambjentali tal-Ġnus Magħquda, ħeġġeġ lil dawk preżenti sabiex il-bidla tibda minn azzjonijiet pattiċi fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.
Huwa kien qiegħed jindirizza ir-raba’ Konferenza Nazzjonali tal-Wellbeing, li trattat il-Miri għall-Iżvilupp Sostenibbli tal-Ġnus Magħquda, u li kienet organizzata mill-Fondazzjoni ta’ Malta għall-Ġid tas-Soċjeta’, ġewwa Fortress Builders, il-Belt Valletta.
“L-Aġenda 2030 hija sejħa indirizzata għal kulħadd,” stqarr Prof Dahl lir-rappreżentanti tat-trade unions, għaqdiet mhux governattivi, u minority groups li attendew għall-konferenza.
Il-konferenza, li indirizzat il-progress soċjali, l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli u t-tibdil fil-klima, kienet indirizzata mill-President Emeritu u Chairperson tal-MFWS Marie-Louise Coleiro Preca, kif ukoll minn rappreżentant mill-Ministeru għall-Ambjent, u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ambjent Jason Azzopardi.
“Il-Miri għall-Iżvilupp Sostenibbli għandhom jwassluna biex nużaw u nħaddnu l-aqwa kwalitajiet li għandna bħala bnedmin – il-kapaċità tagħna li ningħaqdu u naħdmu flimkien, li nkunu innovattivi biex nilħqu l-isfidi li nidħlu għalihom, u li nkabbru r-relazzjonijiet tagħna ma’ xulxin u mad-dinja tagħna: bħala familja umana waħda , fl-unika dar li għandna, ”qalet is-Sinjura Coleiro Preca.
L-Aġenda 2030 u l-Miri għall-iŻvilupp Sostenibbli huma maħsuba għal kulħadd. Hemm miri li jpoġġu lill-bnedmin fiċ-ċentru, fejn l-isfidi ambjentali jirrappreżentaw theddid għas-saħħa u l-wellbeing tal-bniedem, u fejn is-soluzzjonijiet ambjentali jistgħu jsaħħu l-progress tal-bniedem.
“Il-Miri għall-Iżvilupp Sostenibbli jistgħu jintlaħqu biss jekk naħdmu flimkien. Irridu ngħaqqdu l-valur u d-diversità tal-esperjenzi uniċi tagħna, biex f’sinerġija pożittiva nilqgħu dawn l-isfidi globali, ”żiedet Coleiro Preca.
Fir-rapport tas-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda tas-Summit ta’ l-2015 kien hemm speċifikat li ż-żgħażagħ se jkunu minn ta’ quddiem, u ser jkunu parti mill-ewwel soċjetà ċivili li tassew globalizzata, interkonnessa u mmobilizzata bl-aqwa mod. Iż-żgħażagħ ser jkunu lesti u kapaċi jservi bħala parteċipanti attivi, u magna effettiva, ta’ bidla u trasformazzjoni.
Hija din l-enerġija li, skond Prof Dahl, lkoll għandu jkollna sabiex nindirizzaw il-ħafna problemi li qed tiffaċċja d-dinja, mill-faqar u l-preġudizzju tal-ġeneru sal-inugwaljanza, it-tibdil fil-klima u l-paċi u s-sigurtà.
“Il-gvernijiet madwar id-dinja qed jippruvaw jilħqu dawn il-miri, iżda mhux se jirnexxu mingħajr l-impenn u l-kooperazzjoni tagħna lkoll. L-SDGs għandhom miri speċifiċi li jridu jintlaħqu, u indikaturi intiżi biex ikejlu l-progress lejn dawn il-miri fl-aħjar interess tal-komunitajiet tagħna stess, u saħansitra jservu bħala linji giwda għal azzjonijiet prattiċi għal kull wieħed u waħda minna fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, ” żied jgħid.
Il-Professur Dahl ħeġġeġ lil dawk preżenti biex jieħdu passi biex jikkontribwixxu fuq livell lokali biex jeliminaw il-faqar fil-komunitajiet tagħna, jagħżlu sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, inaqqsu l-ħela, u jedukaw lilhom nfushom dwar l-iżvilupp sostenibbli u stili ta’ ħajja, drittijiet tal-bniedem, ugwaljanza bejn is-sessi, paċi u non-vjolenza u l-apprezzament tad-diversità kulturali.
“Meta jkollna miri pożittivi, dan jista’ jkun motivanti ħafna, u jista’ jgħin ukoll biex jinbena sens ta’ għaqda fil-komunità kollha. “