“Feel the Magic of Christmas”… kunċert b’xejn minn Chorus Urbanus biex jgħin lil The Malta Trust Foundation

Dan l-istaġun tal-Milied, Chorus Urbanus se jkun qed jippreżenta l-25 edizzjoni ta’ “Il-Kunċert tal-Milied 2022” bħala “Feel the Magic of Christmas”.

Id-direttur artistiku tal-Produzzjonijiet Chorus Urbanus, Dr John Galea, li dejjem kien fit-tmexxija ta’ Chorus Urbanus għal dawn l-aħħar 44 sena, esprima l-assigurazzjoni tiegħu li “dawk li dejjem attendew u appoġġjaw il-kunċerti tagħna tal-Milied, se jieħdu gost anke bl-edizzjoni speċjali ta’ din is-sena li għandha t-tema ta’ “Hope Amid Darkness”. Waqt kull staġun tal-Milied, aħna f’Chorus Urbanus nirriflettu fuq l-affarijiet tajbin li aħna mdawrin bihom u naħsbu f’dawk li jiġu jarawna u kif nistgħu nkabbru l-benesseri tas-soċjetá permezz tal-mużika. Napprezzaw il-pjaċir li jiksbu dawk li jiġu jarawna permezz tal-esibizzjonijiet tagħna u nittamaw li dan l-istaġun ta’ festi, ikun staġun li jgħinna nagħtu aktar u jġib aktar ferħ u ispirazzjoni għall-avventuri artistiċi tagħna li huma intenzjonati wkoll li jgħinu kawżi ġusti.”

Fl-edizzjoni speċjali ta’ din is-sena (il-25 sena konsekuttiva li qed isir il-kunċert) se jieħdu sehem Chorus Urbanus, Chorus Urbanus Juniors, l-Urbanus Festive Orchestra, bil-konduttur ikun Dr John Galea, is-Centre Stage Dance Academy u l-Beta Entertainment Theatre Academy. Il-produzzjoni ta’ din is-sena “Hope Amid Darkness” se tkun taħt id-direzzjoni tal-produttur Jamie Camilleri. Dawk li jattendu għall-edizzjoni speċjali ta’ din is-sena se jkunu jistgħu joffru donazzjonijiet lil The Malta Trust Foundation, filwaqt li jkunu qegħdin jikkontribwixxu għat-twettiq tal-proġetti f’Għawdex; Dar il-Kantuniera u l-Proġett Sunrise.

Il-kunċert se jsir fit-Teatru Astra nhar il-Ħadd 18 ta’ Diċembru, 2022 fit-08.00 p.m., taħt il-patroċinju distint tal-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca. L-Eċċellenza Marie-Louise Coleiro Preca laqgħet din l-attivitá u qalet li “tilqa’ u tirringrazzja lil Chorus Urbanus li mhuwiex biss magħruf għat-talenti mill-aqwa li jħaddan, iżda wkoll għall-ġid soċjali li jagħmel. Din id-darba se jkun qed itella’ spettaklu fenomenali b’risq is-servizzi tas-saħħa mentali li tipprovdi The Malta Trust Foundation fil-komunitá ta’ Għawdex. Nittamaw li narawkom hemm għal lejla mill-isbaħ ta’ mużika, teatru u żfin, li fuq kollox se jsir għal kawża ġusta.”

L-entratura hi bla ħlas, iżda dawk li se jattendu huma mistiedna biex jirriservaw post billi jsegwu dan il-link: https://www.eventbrite.com/…/feel-the-magic-of…

Feel The Magic 2022-24 hu sponsorjat b’mod ġeneruż minn Arts Council Malta, il-Ministeru għal Għawdex u sponsors oħrajn.