Waqt l-ewwel żjara uffiċjali tagħha f’Għawdex, erbgħa u għoxrin siegħa wara l-ħatra tagħha bħala President ta’Malta, l-E.T. Marie-Louise Coleiro Preca inawgurat Dar Emmaus, l-ewwel residenza għall-vittmi ta’ vjolenza dommestika.
Matul l-indirizz tagħha l-President qalet li l-mira ta’ din id-Dar mhijiex biss li toffri kenn imma li tipprovdi pjan ta’ kura b’servizzi psikoloġiċi lill-vittmi ta’ vjolenza domestika.
Sostniet li dan jista’ jinkiseb permezz tal-public-social partnership li ġie ffirmat fil-jiem li għaddew qabel ma nħatret President tar-Repubblika filwaqt li fissret dan il-ftehim bħala l-mudell li fuqu rridu nimxu.
Il-vjolenza domestika, qalet il-President, iġġib magħha l-faqar għaliex il-vittmi jagħmlu snin twal isofru fis-silenzju qabel ma jkollhom il-kuraġġ li jqumu fuq saqajhom.
Il-President Coleiro Preca qalet li permezz ta’ dawn il-PSPs, ma nkunux qed noffru biss fondi pubbliċi f’forma ta’ donazzjoni imma fondi li jassiguraw pjanijiet ta’ kura biex jerġgħu jintegraw il-vittmi fis-soċjetà.
Minn naħa tiegħu l-Ministru għal Għawdex Dr. Anton Refalo, stqarr li f’Għawdex ilha tinħass il-ħtieġa li jingħata kenn xieraq lill-vittmi ta’ vjolenza domestika.
Dr. Refalo tkellem dwar kif il-programmi soċjali u s-servizz li ser jiġi offrut f’Dar Emmaus se jkunu ta’ fejda u soljev għall-vittmi varji Għawdxin u l-familjari tagħhom.
Għal din l-inawgurazzjoni attenda wkoll il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Dr. Michael Farrugia li tkellem dwar l-importanza li jingħata l-appoġġ neċessarju f’din il-gżira.
Il-Ministru Farrugia, wera l-impenn tiegħu li jkun t’għajnuna fil-qasam soċjali f’Għawdex filwaqt li ddeskriva dan il-proġett bħala biss il-bidu ta’ xi haga li kienet nieqsa fil-gzira Ghawdxija.
F’Dar Emmaus se jkun qed jingħata kenn temporanju, servizz ta’ counselling, support groups, pariri legali u mediċi kif ukoll għajnuna lit-tfal taħt it-tmexxija tal-Fondazzjoni Kenn u Tama.