Il-Ħadd filgħodu, ħamsa u għoxrin ċiklist li qed jitħarrġu għal Foster Clark’s LifeCycle Challenge, għamlu waqfa fil-Palazz ta’ Sant’Anton u ltaqgħu mal-President Marie-Louise Coleiro Preca.
Il-President qalet li mhemmx kliem biżżejjed biex turi l-apprezzament tagħha lejn il-parteċipanti tal-Foster Clark’s LifeCycle Challenge Malta, “meta b’sens qawwi ta’ volontarjat u solidarjetà, permezz tas-sehem tagħhom f’din l-isfida, qed itaffu t-tbatija ta’ ħutna Maltin u Għawdxin, li jiġu bżonn il-faċilitajiet tar-Renal Unit fl-Isptar Mater Dei.”
Il-President appellat sabiex aktar persuni jirreġistraw fir-reġistru tad-donaturi tal-organi, ħalli kemm jista’ jkun, Maltin u Għawdxin oħra jkun jista’ jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar.
Il-President Coleiro Preca faħħret lill-isponsor prinċipali u lill-Fondazzjoni LifeCycle talli qegħdin ukoll jinvestu fir-riċerka. “Il-proattività li aħna nuru meta nkunu qed ninvestu fir-riċerka hija importanti ħafna, għaliex ir-riċerka tista’ twasslilna riżultati u skoperti li jkunu jistgħu jiġu żviluppati ħalli jkun hemm prevenzjoni,” tenniet il-President, filwaqt li appellat lill-Maltin u l-Għawdxin biex jikkontribwixxu u jagħtu d-donazzjonijiet tagħhom għal din il-kawża tant ġusta, sabiex tkun tista’ tintlaħaq il-mira ta’ €150,000.
Il-fondi li ser jinġabru se jmorru għall-ħtiġijiet u l-kura ta’ pazjenti b’mard tal-kliewi. Barra minn tagħmir li jsalva l-ħajja u faċilitajiet imtejba, min-naħa tagħha LifeCycle qed tisponsorja t-Twilight Shift Van li jittrasporta pazjenti minn u lejn l-Isptar Mater Dei għad-dijalisi tagħhom ta’ filgħaxija, kif ukoll tisponsorja l-programm ta’ tqabbil tas-software imsejjaħ Traccia li jiddetermina minn ikun l-aħjar benefiċjarju għal kull kilwa li tkun offruta.