Waqt żjara fl-uffiċini tal-Malta Institute of Accountants, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca ġiet ippreżentata b’kopja ta’ studju li l-MIA għamlu flimkien mal-MISCO intitolat ‘Gender Pay Gap Study in the Accountancy Profession’, liema studju sab diskrepanza ta’ 20% bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa li ilhom fis-settur għal aktar minn għaxar snin. Dan l-istess studju sab ukoll li aktar ma n-nisa jkunu ilhom fis-settur tal-accounting aktar tikber din id-differenza bejn il-pagi.
Il-President Coleiro Preca faħħret il-Malta Institute of Accountants għall-inizjattiva li ħadu, u ħeġġithom biex jkomplu jirriċerkaw ħalli permezz ta’ dan jgħinu biex jiżdied l-għarfien fuq din il-kwistjoni, anke ma’ setturi oħra ta’ xogħol, peress li fix-xogħol tagħhom huma best-placed għaliex jiltaqgħu ma’ intraprendituri f’setturi varji.
Fid-dawl tal-fatt li din hija kwistjoni multi-dimensjonali, il-President tenniet li s-soluzzjoni sabiex tingħeleb din il-kwistjoni darba għal dejjem għandha tkun multi-dimensjonali wkoll. Hija qalet li minbarra leġiżlazzjoni tal-gender pay gap, li diġà teżisti f’pajjiżi bħall-Iżlanda, hawn ħtieġa ta’ aktar edukazzjoni sabiex tiġi indirizzata il-mentalità u l-kultura fis-soċjetajiet tagħna.
Tul iż-żjara, il-President Coleiro Preca kellha wkoll l-opportunità li tiltaqa’ mal-ħaddiema fi ħdan l-istitut.