Dalgħodu fl-Istitut tal-Arti u d-Disin tal-MCAST fil-Mosta, il-President Marie-Louise Coleiro Preca nediet il-Premju tal-President għall-Kreattività għal din is-sena. L-għan tal-Premju tal-President għall-Kreattività huwa li t-tfal u ż-żgħażagħ fil-komunità jimpenjaw ruħhom biex jiżviluppaw it-talenti tagħhom u jimplimentataw programmi soċjali u komunitarji permezz tal-arti.
Waqt it-tnedija, quddiem numru ta’ studenti tal-MCAST, il-President Coleiro Preca qalet li l-arti u l-kreattività għandhom il-potenzjal li jġibu bidla soċjali u riġenerazzjoni anke f’postijiet karatterizzati minn ambjenti diffiċli ta’ faqar u esklużjoni soċjali. L-arti, il-kultura u l-kreazzjoni trid tkun parti mill-vokazzjoni tagħna bħala poplu, għaliex b’hekk niżviluppaw mod sħiħ bħala poplu u nkabbru l-potenzjal ta’ pajjiżna.
Spjegat kif se jiġu provduti fondi u għajnuniet varji lil tfal, żgħażagħ u organizzazzjonijiet komunitarji li l-mezzi finanzjarji jistgħu jxekkluhom milli jiżviluppaw proġetti inovattivi li jkunu ta’ ġid għas-soċjetà.
Il-President sostniet li għandha fiduċja sħiħa fil-kapaċitajiet taċ-ċittadini Maltin u dan il-premju se jinkoraġixxi iktar ħidma komunitarja u jagħti appoġġ biex it-tfal u ż-żgħażagħ jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom.
It-tliet programmi ta’ premjazzjoni huma immirati għat-tfal, żgħażagħ u l-komunità u b’kollox se jkunu allokati 65,000 ewro. Kull applikazzjoni ser tiġi assessjata minn assessuri indipendenti li ser ikunu mistiedna jirrakommandaw it-tip t’assistenza li tista’ ttejjeb l-iżvilupp kreattiv.
L-applikazzjonijiet se jdumu miftuħa sal-Ġimgħa 4 ta’ Lulju 2014, sal-4pm. Għal aktar informazzjoni żur is-sit www.wordpress-262414-816105.cloudwaysapps.com jew ċempel fuq 21226226.