Ġewwa The President’s Kitchen Garden, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, flimkien mal-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi, u l-Kelliem għall-Oppożizzjoni għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma David Agius, inawguraw The President’s Eco-Park, inizjativa konġunta bejn l-Uffiċċju tal-President u l-Ministeru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma.
Il-President Coleiro Preca tenniet li t-tfal kienu minn dejjem ċentrali għall-Presidenza tagħha u qalet li ħadmet qrib it-tfal, sabiex it-tfal iħossuhom ivvalutati. Hija qalet ukoll li saret ħafna ħidma f’dak li għandu x’jaqsam mad-drittijiet tat-tfal.
“Dan il-park qiegħed fil-fatt jimmarka it-tletin sena mill-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li fil-qalba tagħha hemm id-dritt tat-tfal li jilgħabu, u għalhekk huwa xieraq li dan l-Eco Park qiegħed jiġi inawgurat proprju fis-sena fejn qiegħed jitfakkar dan l-anniversarju importanti sabiex nirreġistraw li d-dritt tat-tfal li jilgħabu huwa d-dritt li aħna rridu nagħtu”, qalet il-President Coleiro Preca.
Fid-dawl ta’ dan, il-President ħabbret ukoll li bħalissa il-Fondazzjoni għall-Ġid tas-Soċjetà qiegħda tagħmel diversi laqgħat ta’ konsultazzjoni proprju mat-tfal permezz tal-Istitut Nazzjonali tat-Tfulija fuq il-play areas, u qalet li tħares ‘il quddiem sabiex il-Fondazzjoni u l-ministeru jkunu jistgħu jaħdmu fuq proġett simili għan-naħa ta’ isfel ta’ Malta.
Il-President Coleiro Preca qalet ukoll li permezz ta’ dan il-proġett innovattiv u inklussiv, li huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu f’Malta, u t-tieni wieħed fl-Ewropa, it-tfal se jkunu qegħdin jitgħallmu filwaqt li jieħdu gost u jagħmlu attività fiżika. Il-President qalet ukoll li hija ħaġa sabiħa ferm li f’dan l-Eco Park hemm ukoll apparat li se jkun ta’ għajnuna għal tfal bl-awtiżmu.
Hija saħqet li permezz ta’ dan il-proġett, “ser nkunu qed nirrispondu għall-impenn internazzjonali li kkommettew ruħhom għalih il-mexxejja internazzjonali”, meta’ qablu li jaħdmu favur Aġenda 2030 tal-Ġnus Magħquda u l-Miri għall-Iżvilupp Sostenibbli.
“Nistgħu ngħidu li hawn, f’dan l-Eco Park aħna nolqtu aspetti minn Mira Numru 3, li titkellem fuq is-saħħa u l-wellbeing tagħna; Mira Numru 7 li titkellem fuq enerġija nadifa; Mira Numru 11 li titkellem fuq bliet u komunitajiet sostenibbli; u Mira Numru 13, li titkellem dwar il-kwistjoni tal-klima”, qalet il-President.
Il-Ministru Joe Mizzi qal li kien ta’ pjaċir li saret ħidma fil-qrib mal-l-President Marie-Louise Coleiro Preca flimkien mat-team kollu tagħha biex dak li sa ftit tax-xhur ilu kien ħolma, illum sar realtà u se jkun qed jitgawda mit-tfal fis-snin li gejjin.
Huwa qal li din l-inizjattiva se sservi sabiex mijiet ta’ tfal li jżuru dan l-Eco Park ikunu parteċipi fil-ħidma ħolistika tal-Gvern, dik li permezz tagħha nkomplu nħarsu ‘l quddiem lejn ġenerazzjoni ta’ aktar enerġija minn sorsi nodfa.
“Grazzi għal din l-inizjattiva, il-ministeru tiegħi flimkien mal-Uffiċċju tal-President irnexxielna nintegraw anke lil dawn it-tfal sabiex anke huma jaraw u jitgħallmu fuq sorsi ġodda ta’ enerġija filwaqt li jkollhom post sigur fejn jistgħu jilagħbu ma’ sħabhom tfal oħra,” temm jgħid Joe Mizzi.
Il-President Coleiro Preca irringrazzjat lil kull min kien involut biex dan il-proġett isir realtà.