“L-Unjoni Ewropea għandha tassigura li t-tfal jkunu jistgħu jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet”
Dawk li ser jivvotaw fl-Elezzjonijiet Parlamentari Ewropej ta’ dan ix-xahar, għandhom jeleġġu Membri Parlamentari Ewropej li jemmni bis-sħiħ fid-drittijiet tat-tfal, u fil-parteċipazzjoni attiva tat-tfal fil-proċessi Ewropej li matulhom jittieħdu d-deċiżjonijiet, sostniet il-President Emeritu, Marie-Louise Coleiro Preca.
Waqt diskors ewlieni li għamlet, bħala President tal-Eurochild, fl-ewwel summit Ewropew tat-tfal, li qiegħed isir ġewwa Bucharest, bħala parti mill-Presidenza Rumena tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, Coleiro Preca qalet li l-istati membri tal-Unjoni Ewropea għandhom jpoġġu l-parteċipazzjoni attiva tat-tfal fuq nett ta’ l-aġendi tagħhom, u tenniet li għandhom jaħdmu aktar sabiex l-Ewropa issir “mudell ta’ parteċipazzjoni attiva tat-tfal, li jkun jista’ jiġi addottat minn reġjunijiet oħra.”
“Jeħtieġ li l-parteċipazzjoni tat-tfal fil-proċessi fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet issir realta’ illum qabel għada. Hemm bżonn li l-Unjoni Ewropea tagħti widen għal dak li jgħidu t-tfal u tassigura li l-istess tfal jkunu jistgħu jinfluwenzaw deċiżjonijiet li jaffettwaw lilhom infushom, u lilna wkoll,” tenniet Coleiro Preca.
Skont stħarriġ ntitolat “Europe Kids Want” li ġie kondott minn Eurochild u mill-UNICEF, huma biss 8% tat-tfal li ħadu sehem, li jħossu li l-adulti jagħtu każ l-opinjonijiet tagħhom, meta’ jittieħdu deċiżjonijiet fuq livell komunitarju.
Waqt dan is-summit storiku, Eurochild, network Ewropea li taħdem favur id-drittijiet tat-tfal, u li għandha 176 membru minn 34 pajjiż differenti, ippubblikat Id-Dikjarazzjoni Ewropea tat-Tfal, biex isservi bħala gwida, u punt ta’ riferiment għall-mexxeja Ewropej, għal dak li għandu jsir għat-tfal, fuq livell Ewropew. Din id-dikjarazzjoni hija riżultat ta’ eżerċizzju estensiv li matulu, Eurochild ġabret il-fehmiet ta’ tfal u esperti, fuq il-parteċipazzjoni attiva tat-tfal, fi proċessi fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet.
Eurochild ħeġġet lill-Presidenzi Ewropej futuri sabiex jieħdu l-eżempju tal-gvern Rumen, u jżommu lit-tfal, u speċifikament, il-parteċipazzjoni tat-tfal, fuq l-aġenda tagħhom.
Intant, l-għaqdiet li jaħdmu favur id-drittijiet tat-tfal ingħaqdu flimkien sabiex jappuntaw ġenerazzjoni ġdida ta’ Membri Parlamentari Ewropej, biex dawn jsiru “Child Rights Champions”, bil-għan li jipproteġu u jiddefendu d-drittijiet tat-tfal. Dawn il-kandidati ħadu sehem f’sessjonijiet ta’ diskussjoni mat-tfal, fuq livell lokali – dawk ġewwa Malta ġew organizzati mill-Fondazzjoni ta’ Malta għall-Ġid tas-Soċjeta’ – u ikkommettew ruħhom sabiex jinvolvu lit-tfal f’dawk id-deċiżjonijiet li jaffettwawhom.
Żewġt itfal Maltin – Sharon Cilia ta’ 14-il sena, membru tal-Kunsill taż-Żgħażagħ u Membru ta’ l-Ewwel Eurochild Children’s Council, u Scarlett Engerer, ta’ 10 snin, membru tal-Kunsill tat-Tfal – ħadu sehem ukoll f’dan is-summit.