Fid-diskors ewlieni waqt sessjoni tal-Women Leaders Global Forum intitolat ‘Power Together’, il-President ta’ Malta u l-patron tal-kampanja #Girl2Leader, Marie-Louise Coleiro Preca qalet li n-nisa u l-irġiel għandu jkollhom l-istess opportunitajiet biex isemmgħu l-vuċijiet tagħhom u jiġu rispettati bħala kollaboraturi valutati u ugwali biex joħolqu dinja li tħaddan l-ugwaljanza u l-ekwità – dinja li tista’ tgawdi l-paċi u tibni l-prosperità.
Fi ftit jiem oħra, tenniet il-President, “se nkunu qed nikkommemoraw is-70 anniversarju tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,” liema kommemorazzjoni se tipprovdi opportunità biex niftakru u nfakkru lil kulħadd li meta naħdmu favur l-ugwaljanza u d-drittijiet tan-nisa, inkunu qed naħdmu, fundamentalment, biex bis-sħiħ niksbu t-tgawdija tad-drittijiet umani universali.
Il-President qalet li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-ekwità kienu ż-żewġ għanijiet li wasslu biex l-Uffiċċju tal-President jorganizza diskussjoni nazzjonali ma’ mijiet ta’ studenti minn Malta u Għawdex fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Bniet, marbuta mal-kampanja #Girl2Leader.
Żiedet li hi kienet ispirata min-narrativi tal-istudenti, bniet u subien – narrativi li kienu mnebbħa minn analiżi korretta tas-sitwazzjoni, mir-reżiljenza li biha l-istudenti jiffaċċjaw l-isfidi u mid-determinazzjoni li l-istudenti għandhom biex jagħmlu differenza.
Student partikolari, Matthew, kien qal li, “sfortunatament f’Malta u madwar id-dinja, in-nisa jiffaċċjaw sterjotipi u aspettattivi inġusti. Din is-sitwazzjoni twassal għal diskriminazzjoni. Is-soċjetà tagħna tħares lejn il-femminiżmu u l-empowerment tan-nisa bħala moviment ta’ mibegħda kontra l-irġiel, u dan iwassal biex in-nies jibżgħu mill-bidla”.
Studenta oħra, Annemarie, kienet qalet li, “il-bniet u t-tfajliet jeħtieġ li jiġġieldu kontra l-inġustizzji u jġibu l-bidla, b’setgħa awtentika. Nixtieq li xi darba jasal żmien fejn inkun kapaċi nesprimi l-opinjoni tiegħi fi grupp magħmul minn irġiel, fejn l-opinjoni tiegħi tkun biss opinjoni kwalunkwe, mhux opinjoni preġudikata għax jiena tfajla”.
Il-President qalet li s-70 anniversarju tad-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet Umani jista’ jkun opportunità ideali biex il-kampanja #Girl2Leader tidentifika opportunitajiet innovattivi għall-parteċipazzjoni tal-bniet, tas-subien u tat-tfajliet.
Ħeġġet lill-politiċi preżenti biex jingħaqdu mal-moviment #Girl2Leader, “biex dan l-anniversarju jkun opportunità oħra sabiex jitrawmu l-interessi politiċi u soċjali tal-bniet, subien u t-tfajliet tagħna billi nħeġġuhom iqumu biex jagħmlu differenza”.
Il-President appellat lil dawk preżenti biex ixerrdu dan il-messaġġ fil-pajjiżi u fir-reġjuni rispettivi tagħhom, iżda wkoll biex iġibu flimkien il-bniet u s-subien, biex jagħtuhom is-setgħa li jirrealizzaw li għandna bżonn kemm lit-tfajliet kif ukoll lis-subien, biex tinkiseb il-paċi u l-prosperità fil-pajjiżi, fir-reġjuni u madwar id-dinja tagħna.
“Jiena konvinta li nistgħu nilħqu l-għanijiet tagħna jekk inħeġġu u nappoġġjaw lill-bniet, lis-subien u lit-tfajliet tagħna biex ikunu attivisti għall-bidla”
Il-President qalet li “jekk verament irridu t-trasformazzjoni tant meħtieġa u sostenibbli tal-kultura patrijarkali, biex jingħelbu l-isterjotipiżmu u d-diskriminazzjoni, allura għandna naħdmu f’sinerġija madwar id-dinja kollha, fi ħdan il-ġnus tagħna u fir-reġjuni tagħna,” u żiedet li “għandna bżonn ngħinnu lil din il-bidla, sabiex din tibda mill-għeruq tas-soċjetajiet tagħna bħala parti minn bottom-up approach. B’dan il-mod il-bidliet top-down tal-leġiżlazzjoni u tal-policies ikunu tassew effettivi”.
Semmiet ukoll li tinħtieġ bidla fil-perċezzjonijiet minħabba li dawn huma l-ostakli kulturali u soċjali li jxekklu l-progress biex jinkisbu l-ugwaljanza u l-ekwità.
“Barra minn hekk jiena konvinta li hemm bżonn li naraw eżempji ta’ tmexxija femminili fil-media u fis-soċjetà kollha. Permezz ta’ viżibilità akbar, għax-xogħol eċċellenti li qed nagħmlu, bħala mexxejja nisa nkunu qed noħolqu role-models li huma tant meħtieġa biex l-idea u l-preżenza tan-nisa fi rwoli ta’ awtorità jkunu ħaġa normali”, qalet il-President Coleiro Preca.
Filwaqt li tenniet l-appell tagħha lil dawk preżenti sabiex dawn jingħaqdu mal-kampanja #Girl2Leader, il-President fakkret li l-kisba tal-ħames mira għall-iżvilupp sostenibbli li tobbliga lill-komunità internazzjonali biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-empowerment tal-bniet u n-nisa tagħna, hi fil-qalba tal-kampanja.
“Għalhekk nistieden lilkom, bħala mexxejja nisa, biex tiżviluppaw aktar il-kampanja #Girl2Leader għall-benefiċċju tal-bniet u tat-tfajliet tagħna madwar id-dinja kollha”, ikkonkludiet il-President Coleiro Preca.