Fl-aħħar jiem, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, irċeviet ittri ta’ awguri minn Kapijiet ta’ Stati differenti.
Il-President ta’ Franza François Hollande, filwaqt li tkellem dwar ir-relazzjonijiet b’saħħithom bejn Franza u Malta sostna li qed iħares ’il quddiem biex iż-żewġ pajjiżi jiżviluppaw spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi fin-Nofsinhar tal-Mediterran.
Min-naħa tiegħu l-President tal-Ġermanja Joachim Gauck spjega kif fl-għaxar snin ta’ sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, intensifikaw ir-relazzjonijiet bejn il-Ġermanja u Malta u sostna li jinsab ċert li r-relazzjonijiet se jkomplu jissaħħu matul il-Presidenza ta’ Coleiro Preca.
Il-President tat-Turkija Abdullah Gül f’isem il-poplu Tork feraħ lill-President Marie-Louise Coleiro Preca u awgura li fiż-żmien li ġej ikomplu jiżviluppaw ir-relazzjonijiet tajbin li diġà jeżistu bejn iż-żewġ pajjiżi.