Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca żaret il-kumpanija MEDAVIA – Mediterranean Aviation Co Ltd, ġewwa Ħal Safi, fl-okkażjoni tal-40 anniversarju mindu l-kumpanija bdiet topera fl-1978.
Il-President faħħret lill-Medavia għall-viżjoni u l-innovazzjoni li kellha tul dawn l-erbgħin sena, biex kompliet tissaħħaħ u tegħleb l-isfidi taż-żminijiet, filwaqt li qalet li Medavia kienet il-pijuniera fis-servizzi tal-avjazzjoni.
Il-President tenniet li Medavia hija wkoll eżempju ħaj ta’ kemm jista’ jinkiseb suċċess meta żewġ pajjiżi jikkollaboraw flimkien. Dwar il-fatt li l-kumpanija Medavia tħaddem persuni minn madwar 40 pajjiż differenti, il-President Coleiro Preca qalet li s-suċċess jinkiseb ukoll meta d-diversità tkun rispettata.
Il-President Coleiro Preca kienet milqgħua mid-Direttur Maniġerjali, is-Sur Rammah Ettir, u ltaqgħet mal-ħaddiema kollha tal-kumpanija. Fl-aħħar taż-żjara, hija kixfet plakka kommemorattiva fl-okkażjoni tal-40 anniversajru.