Insellmilkom. Xtaqt naqsam ftit ħsibijiet magħkom f’din l-okkażjoni ta’ Jum il-Mara.
Jum il-Mara jagħtina l-okkażjoni biex niċċelebraw it-tant kontribuzzjonijiet li l-bniet u n-nisa jagħmlu fil-komunitajiet tagħna u fis-soċjetà Maltija.
Iżda wkoll din il-ġurnata hija okkażjoni importanti biex naraw fejn wasalna, u x’inhuma l-isfidi li għadhom qed jiffaċċjaw in-nisa u l-bniet f’pajjiżna – liema sfidi qed jaffettwaw ħażin lill-familji u lis-soċjetà tagħna.
Għad għandna diversi kwistjonijiet li rridu nindirizzaw, bħal per eżempju:
- Il-vjolenza abbażi tal-ġeneru;
- Ir-rappreżentanza inekwa tan-nisa fil-qasam ekonomiku;
- In-nuqqas tal-parteċipazzjoni sħiħa tan-nisa fil-politika u t-tmexxija pubblika, u
- Il-ħtieġa tal-bidla fil-mentalità biex jkollna kultura ta’ ugwaljanza, ta’ ekwità u ta’ inklużjoni.
L-empowerment tan-nisa u tal-bniet, u l-bżonn ta’ ekwità fil-gżejjer Maltin, kienu fiċ-ċentru ta’ ħafna mix-xogħol li għamilna matul din il-Presidenza.
Kburija bil-fatt li rnexxielna nġibu flimkien l-għaqdiet tan-nisa f’pajjiżna, fuq pjattaforma waħda, u li sejjaħnielha emPOWer. Din l-inizjattiva qed iġġib flimkien għadd ta’ nisa biex jiddiskutu kwistjonijiet u sfidi ta’ importanza fil-ħajja tal-mara. Dawn l-għaqdiet qed jipprovdu appoġġ lil xulxin u opportunitajiet ta’ mentorship għal nisa żgħażagħ, biex jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom.
“Għandna ħafna nisa ħerġin mill-Universitajiet, nisa kapaċissimi, li jagħmlu kull tip ta’ xogħol. Imma mhumiex qed jaslu fil-ħajja tax-xogħol. Fejn qed imorru dawn in-nisa? Wieħed mill-ikbar ostakli li qed isibu dawn in-nisa hija l-kultura li għandna li l-familja hija r-responsabbiltà tal-mara biss. Toħdunix ħażin. Il-familja hija waħda mill-isbaħ affarijiet li għandna fis-soċjetà tagħna. Però, it-trobbija tat-tfal, u li nieħdu ħsieb l-anzjani tagħna – dan huwa xogħol li l-koppja bħala koppja jridu jagħmlu flimkien. U meta fl-aħħar, niddeċiedu li dan ix-xogħol irid isir bejnietna, hemmhekk biss inkunu ugwali li nistgħu nimxu fil-ħajja tax-xogħol flimkien” – Stephanie Falzon, Co-Chair ta’ emPOWer
“F’Malta hawn nisa daqs kemm hawn irġiel. Madanakollu, dan mhux rifless fil-post, fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet għaċ-ċittadini Maltin, jiġifieri fil-Parlament. F’pajjiż demokratiku bħal Malta, dan huwa defiċit demokratiku qawwi ħafna, li aħna nħossu li għandna bżonn nindirizzawh, kemm jista’ jkun malajr. Għalkemm ilna sebgħin sena illi ħadna d-dritt tal-vot u d-dritt li mara tirrappreżenta liċ-ċittadini Maltin fil-Parlament, bqajna mwaħħlin, f’dawn is-sebgħin sena bejn għaxra u erbatax fil-mija ta’ persentaġġ ta’ rappreżentazzjoni. Il-ħajjiet tal-irġiel u tan-nisa huma differenti. Għalhekk, l-esperjenzi tagħhom huma differenti, u għalhekk jistgħu jagħtu differenza fid-deċiżjonijiet li jittieħdu fil-Parlament. Għalhekk, aħna naħsbu li l-politika għandha bżonn in-nisa.” – Lorraine Spiteri, Co-Chair ta’ emPOWer.
Impenn ieħor konkret li dħalna għalih f’din il-Presidenza kien l-appoġġ li tajna lit-twaqqif f’Malta ta’ Osservatorju Ewropew dwar il-Femiċidju, jiġifieri il-qtil ta’ mara sempliċiment għax hija mara.
Huwa tassew ta’ sodisfazzjon li l-Università ta’ Malta appoġġjat dan l-Osservatorju Ewropew, u pprovdiet saħansitra l-infrastruttura meħtieġa biex isir il-moniteraġġ u l-ġbir tal-informazzjoni meħtieġa, dwar il-femiċidju u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru f’Malta, fil-Mediterran u fl-Unjoni Ewropea.
Jiena nemmen li t-twaqqif ta’ dan l-Osservatorju Ewropew, se jagħti kontribut importanti fil-ġlieda kontra r-reat kriminali tal-femiċidju.
“Fil-Jum Internazzjonali tal-Mara niċċelebraw il-kisbiet soċjali, ekonomiċi, kulturali u politiċi tal-mara u huwa importanti u sew li nagħmlu dan. Dan il-jum huwa wkoll dwar is-solidarjetà u l-azzjoni. Irridu nimxu ’l quddiem flimkien, u nassiguraw li ma nħallu l-ebda mara warajna. Madanakollu, kuljum nisa jaqaw vittmi tal-femiċidju. Kif nistgħu nimxu ’l quddiem bħala nisa u bħala soċjetà meta għad għandna nisa li qed jiġu maqtula għax huma nisa? Kif nistgħu noqogħdu ma nagħmlu xejn? Ma nistgħux! Irridu naħdmu flimkien. Irridu nużaw il-kisbiet li għamilna, biex nassiguraw illi laqqas mara oħra tmut, sempliċiment għax hija mara.” – Prof Marceline Naudi, Scientific Coordinator fi ħdan l-Osservatorju Ewropew tal-Femiċidju.
Jien konvinta li hemm ħafna aktar x’isir bħala nazzjon biex nassiguraw li n-nisa jingħataw il-viżibilità meħtieġa f’kull sitwazzjoni, u nwieġbu, fil-ħin, għall-isfidi li qed jiffaċċjaw.
Permezz tal-Presidenza, irnexxielna wkoll nagħtu l-appoġġ lill-organizzazzjonijiet ċivili li jaħdmu fil-qasam. Ħdimna wkoll mill-qrib mal-vittmi tal-vjolenza domestika u dawk li rnexxielhom joħorġu miċ-ċirku vizzjuż tal-vjolenza.
Indikaturi ppubblikati mill-Kummissjoni Ewropea jgħidulna li waħda minn kull tliet nisa fl-Unjoni Ewropea huma vittmi ta’ vjolenza fiżika u/jew sesswali sa mill-età ta’ ħmistax-il sena.
Jinħtieġ li nwieġbu b’aktar saħħa għal dawn is-sitwazzjonijiet trawmatiċi, għaliex il-bniet u n-nisa li qed jgħixu f’dawn is-sitwazzjonijiet jinħtieġu l-attenzjoni u l-kura tagħna bl-aktar mod urġenti.
“Nistennew li jkun hemm ġustizzja aħjar għal nisa li għaddejjin minn vjolenza domestika u vjolenza abbażi tal-ġeneru. Lil dik il-mara li għaddejja minn żmien ta’ tbatija ngħidula – mhemmx għalfejn tibqa’ waħdek, fittex l-għajnuna, għadek ma tafx kemm inti reżiljenti. Mhemmx għalfejn tibża’. Fittex l-għajnuna.” – Elaine Compagno, SOAR Service Coordinator għall-Fondazzjoni St Jeanne Antide.
Fuq kollox, nemmen li huwa essenzjali li naħdmu biex nbiddlu l-attitudni, l-imġiba u l-kultura patrijarkali li sfortunatament għadha teżisti fis-soċjetà tagħna, u li qed iċċaħħad id-dinjità sħiħa lil tant bniet u nisa fostna.
Jinħtieġ li jkollna aktar kampanji ta’ għarfien, aktar azzjoni fuq livell komunitarju, u programmi edukattivi għal tfal u għall-adulti, biex inbiddlu l-kultura patrijarkali li qed tfixkel il-kultura ġusta ta’ ugwaljanza, ta’ ekwità, ta’ inkluzjoni u ta’ paċi.
Huwa għalhekk li, tul il-Presidenza tiegħiippromovejna l-parteċipazzjoni attiva tat-tfal u taż-żgħażagħ tagħna, biex jkunu attivisti mil-lum għall-ugwaljanza, ekwità, inklużjoni u paċi.
“Bħala soċjetà rridu nkomplu naħdmu sabiex noħolqu spazji ugwali u għarfien dawr il-valur li tħaddan il-mara fis-soċjetà. Il mara kienet, għadha u tibqa’ pilastru sod fis-soċjetà tagħna. Aħna bħala tfal, bħala bniet fil-Kunsill tat-Tfal u ż-Żgħażagħ fi ħdan il-Fondazzjoni tal-President, aħna xiehda tal-importanza li lill-bniet tagħna għandna nagħtuhom vuċi – vuċi li hija tagħhom bi dritt.” – Anneka Pace, Membru tal-Kunsill tat-Tfal u ż-Żgħażagħ fi ħdan il-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà.
“Jum il-Mara hija l-ġurnata ddedikata biex aħna niċċelebraw flimkien, kull mara, minn kull qasam tas-soċjetà. Illum niċċelebraw is-saħħa tal-mara, il-kontribuzzjoni, kif ukoll il-vuċi tal-mara f’kull settur kemm soċjali, ekonomiku, kulturali u politiku. Il-mara għandha dritt tkun fejn tixtieq hi. F’kull rwol li tiddeċiedi hi. Hi għandha dritt li tiġi trattata bħala individwu, ugwali bħal kulħadd. Għalhekk huwa importanti li nkomplu naħdmu flimkien sabiex nagħlqu u negħlbu il-gender pay gap.” – Laura Marie Mercieca, Membru tal-Kunsill tat-Tfal u ż-Żgħażagħ fi ħdan il-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà.
“F’jum il-Mara, ejjew niċċelebraw il-mara fl-unur tal-kontribuzzjoni rimarkabbli li tagħti lis-soċjetà tagħna. Ejjew inżidu l-għarfien fuq l-importanza tal-mara f’kull aspett, għax wara kollox hija l-qofol tal-eżistenza tagħna. In-natura tat lill-mara l-irwol li tibni familja u s-setgħa li tikseb dak kollu li tixtieq hi, għaliha u għall-familja tagħha. Għalhekk il-mara irid ikollha post importanti fis-soċjetà, fit-tmexxija u fl-iżvilupp tad-dinja. Ejjew nagħtuha l-valur li jixirqilha u l-opportunità li tegħleb kull sterjotip għax irridu nifhmu li l-futur huwa f’idejn il-mara.” – Martina Oliva, Membru tal-Kunsill tat-Tfal u ż-Żgħażagħ fi ħdan il-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà.
Jum il-Mara huwa avveniment importanti fil-kalendarju nazzjonali tagħna, biex ifakkarna fuq il-valuri tar-rispett, tal-ugwaljanza, tal-ekwità u tal-inklużjoni. Dawn huma valuri essenzjali, biex inkomplu niżviluppaw bħala pajjiż repubblikan, u demokratiku.
Fuq kollox, jeħtieġ li permezz ta’ din l-okkażjoni nwasslu messaġġ ta’ tama, billi nħeġġu biex in-nisa u l-irġiel, il-bniet u s-subien, jaħdmu aktar flimkien, ħalli jkollna soċjetà li tirrifletti il-valuri tal-ugwaljanza, tal-ekwità, tal-inklużjoni, u tal-paċi.
Dawn huma l-valuri li huma fil-qalba tad-drittijiet umani universali, kif ukoll tal-Kostituzzjoni Repubblikana tagħna.
Ejjew naħdmu lkoll bħala poplu biex dawn il-valuri essenzjali nkomplu nsaħħuhom, u jibqgħu fil-qalba tal-Kostituzzjoni li rridu nirriformaw biex tkun aktar relevanti għas-seklu wieħed u għoxrin.