Fil-Palazz ta’ Sant’Anton, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca inawgurat il-wirja tal-arti My journey…painting myself out of depression, organizzata miċ-Ċentru tar-Riabilitazzjoni tas-Saħħa Mentali f’Bormla. Il-wirja tiffoka fuq l-abbiltajiet u l-kura tas-saħħa mentali b’xogħlijiet u b’rakkont personali tal-artista Liene Zalkalne.
“Din hi ġurnata ta’ ċelebrazzjoni għalija għax tassew għandna għalfejn niċċelebraw kull meta nara li xi ħadd ikun fittex u sab l-għajnuna u allura saħħaħ ir-reżiljenza fih u ħareġ il-potenzjal. Nixtieq nirringrazzja minn qalbi lil Liane talli qasmet magħna t-talent tagħha permezz tal-pitturi mill-isbaħ li jinsabu esebiti fis-sala Antoine de Paule fi ħdan il-Palazz ta’ Sant’Anton”, qalet il-President.
Fil-Jum Internazzjonali għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju, il-President qalet li sfortunatament is-suwiċidju jeżisti anke f’pajjiżna u li 88% tas-suwiċidji f’Malta jsiru mill-irġiel u mis-subien. Il-President inkoraġġiet lill-irġiel u lis-subien tagħna biex ma jiddejqux jiftħu qalbhom, jitkellmu dwar l-isfidi li jiffaċċjaw u jfittxu l-għajnuna fil-ħin ħalli flimkien inkunu nistgħu negħlbu l-isfidi tas-saħħa mentali.
Il-President irreferiet għal studju riċenti minn żewġ psikjatri Maltin, Andrea Saliba u Nigel Camilleri, dwar is-saħħa mentali taż-żgħażagħ tagħna fejn sabu li filwaqt li ż-żġħażaġħ apprezzaw is-servizzi tagħna fejn tidħol is-saħħa mentali, qalu li għad irridu naħdmu aktar fejn tidħol il-kura fit-tul. Fid-dawl ta’ dan, il-President appellat lill-awtoritajiet tagħna “ħalli nkomplu nħabirku, ħalli anke din il-kura kontinwa tkun iktar effiċjenti u iktar milħuqa miż-żgħażagħ tagħna”.
Il-President faħħret lill-għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu qatigħ f’dan is-settur u li lkoll jikkontribwixxu biex negħlbu l-isfidi tas-saħħa mentali. Semmiet li l-kwistjoni tas-saħħa mentali tiġbed ħafna attenzjoni mill-World Health Organisation (l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa), li tgħid li sfortunatament il-kwistjoni tad-dipressjoni qed tikber bi 18% kull għaxar snin u li 1 minn kull 4 persuni fid-dinja jintlaqtu bi problemi ta’ saħħa mentali.
“Għaldaqstant jeħtieġ li nżommu quddiem għajnejna li ħadd mhu aħjar minn ħadd imma id-differenza bejn persuna u oħra qiegħda f’min jagħmel pass ’il quddiem, ifittex u jsib l-għajnuna u jkompli jaħdem fuqu nnifsu biex ma’ ħaddieħor ikun jista’ joħroġ il-potenzjal mill-isbaħ li hemm f’kull persuna, ħalli jagħmel lilu nnifsu kuntent u jagħmel lil ħaddieħor kuntent ukoll kif qed tagħmel illum Liane b’din il-wirja mill-isbaħ”, ikkonkludiet il-President.
Il-wirja My journey…painting myself out of depression se tkun miftuħa għall-pubbliku fis-sala Antoine De Paule, mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn id-09:00 u l-16:00 sal-21 ta’ Settembru.