Waqt li kienet qed tindirizza konferenza b’rabta mad-Dyslexia, fl-Università ta’ Malta, il-President Marie-Louise Coleiro Preca sostniet li l-Presidenza se tkun qed tuża l-vuċi morali li għandha biex tgħin tfal bid-dyslexia jiffaċċjaw l-isfidi fl-iżvilupp edukattiv tagħhom.
Waqt konferenza bit-tema We Want to Start a Conversation, imtellgħa mid-Dipartiment tal-Counseling u l-Fakultà tas-Social Wellbeing, il-President Coleiro Preca stiednet formalment lit-tfal bid-dyslexia biex jiltaqgħu magħha u b’hekk il-kawża tagħhom tingħata l-ogħla profil possibbli.
It-tfal għamlu sensiela ta’ preżentazzjonijiet u spjegaw kif isibuha diffiċli biex jimxu ’l quddiem minħabba l-mod ta’ kif isir l-assessjar fil-qasam edukattiv.
Il-President ta’ Malta appellat biex jittieħdu l-miżuri neċessarji biex is-sistema edukattiva tindirizza l-bżonnijiet speċifiċi tat-tfal bid-dyslexia.
Coleiro Preca spjegat kif kull ġurnata li qed tgħaddi qed jintilfu abiltajiet differenti ta’ dawn it-tfal li huma kapaċi jirnexxu jekk jingħataw l-ispazju biex ikunu kreattivi u inovattivi.
Fi tmiem l-indirizz tagħha l-President faħħret lill-grupp ta’ studenti li qed jagħmlu l-kawża tagħhom aktar viżibbli biex titqajjem iżjed kuxjenza.