Kien dan il-mod li bih, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca ddiskreviet ir-Rainbow Families Project, li ġie mniedi llum fil-Palazz ta’ San Anton.
Il-President qalet li permezz ta’ dan il-proġett uniku, familji LGBTIQ se jkunu qed jiltaqgħu fi spazju sigur fil-ġnien privat tal-Palazz ta’ San Anton fejn għadd ta’ professjonisti se jkunu qed imexxu sessjonijiet interattivi bl-għan li dawn il-familji jħossuhom empowered.
Il-President spjegat kif dan il-proġett ġie mnebbaħ mill-proġett li l-fondazzjoni għamlet għall-Pride Week tas-sena li għaddiet, meta pproduċiet id-dokumentarju #OurChildrenAreAlright, fejn ħareġ ċar il-fatt li f’pajjiżna, dawn il-familji għadhom qed jaffaċċjaw numru ta’ sfidi socjali.
F’dan id-dokumentarju, ħafna ġenituri LGBTIQ qalu li ma setgħux ifittxu appoġġ effettiv minħabba l-biża’ li jesponu lit-tfal tagħhom għal stigma, bullying, diskriminazzjoni u esklużjoni.
“Jiena nemmen li rridu naħdmu ferm aktar biex nibdlu l-mentalità u l-attitudni tagħna bħala soċjetà, biex nassiguraw li l-liġijiet, li llum qiegħdu lil pajjiżna fuq quddiem fid-dinja fil-qasam ta’ l-inklużjoni, jiġu implimentati biex nieħdu l-aqwa benefiċċju minnhom”, qalet il-President.
Fl-aħħar nett, il-President Coleiro Preca qalet li dan huwa proġett li se jagħti esperjenza mill-aqwa lil kull min se jkun qiegħed jipparteċipa fih, anke lill-professjonisti, u żiedet tgħid li permezz ta’ dan il-proġett, Malta se tkun ukoll “pajjiż mudell tal-inklużjoni u li jgħaqqad lil kulħadd”.
Dan il-proġett qed isir b’kollaborazzjoni bejn il-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà, il-Malta Gay Rights Movement, u r-Rainbow Support Services fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali.
Dawk interessati f’dan il-proġett u li jixtiequ jirreġistraw għandhom jagħmlu dan permezz tal-email [email protected] jew billi jċemplu fuq 21 484 662. L-ewwel laqgħa tar-Rainbow Families Network se ssir fit-13 ta’ Settembru fis-18:00 ta’ filgħaxija, fil-Palazz ta’ San Anton.