Ġiet imnedija il-bijografija tal-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca f’ċerimonja li saret fil-Palazz, il-Belt Valletta.
Dan il-ktieb ‘Riflessjonijiet tal-President Marie Louise Coleiro Preca’ huwa ġabra ta’ riflessjonijiet tal-President dwar tfulitha, żgħożitha, il-ħidma fil-ħajja pubblika, il-politika u l-Presidenza.
F’dan il-ktieb, il-President ta’ Malta tiftaħ qalbha dwar ħajjitha, dak li wettqet u dak li riedet twettaq aktar. Il-President tirrifletti partikolarment dwar aspetti differenti tal-politika soċjali u kif is-soċjetà tagħna qed tinbidel. F’dan il-ktieb hi l-President stess li, bi kliemha tikkomunika mal-qarrejja dwar il-valuri tagħha u dak li sawwarha. B’ritratti mit-trobbija u t-tfulija sal-Presidenza, il-qarrejja jistgħu jaraw ukoll kif żviluppat il-ħajja ta’ Marie-Louise Coleiro Preca.
Waqt it-tnedija, il-President kienet intervistata minn Ruth Amaira, Antoinette Falzon u Louise Tedesco li staqsew lill-President fuq aspetti varji tal-ħidma tagħha fosthom il-ħidma soċjali, il-ħtieġa tal-għaqda u l-importanza lit-tfal.
Il-President ta’ Malta saħqet fuq l-importanza li nisimgħu lit-tfal. “It-tfal għandna nisimgħuhom għax huma l-futur u l-mexxejja tagħna”, tenniet il-President. Dwar l-għaqda, il-President tkellmet fuq l-importanza li nfittxu dak li jgħaqqad għax hekk biss nistgħu negħlbu l-isfidi soċjali li għandna quddiemna.
Gordon Pisani, minn ‘Kite Group’ li ppublikaw dan il-ktieb, saħaq kif il-ktieb juri xogħol il-President b’mod ħolistiku filwaqt li juri l-ħajja politika ta’ mara fi żminijiet li kienu iżjed diffiċli. Huwa ktieb li jħares ukoll lejn elementi tal-evoluzzjoni tal-politika soċjali mil-lenti ta’ persuna li għexet u ħaddnet din il-politika mhux biss tul il-Presidenza imma tul ħajjitha.
Il-ktieb kien miktub minn Jesmond Saliba li qal li l-istil tal-ktieb huwa wieħed li jwassal il-ħsibijiet u l-memorji mit-tfulija sal-Presidenza ta’ Marie Louise Coleiro Preca. “Dan il-ktieb ‘Riflessjonijiet Tal-President’ huwa il-legat ta’ persuna bbażat fuq ir-riflessjonijet ta’ bint, tal-mara, tal-omm, tal-politiku, tal-President, ta’ Maltija, ta’ persuna fuq kollox awtentika, f’rakkont awtentiku li jirrifletti l-awtentiċità tal-President Marie-Louise Coleiro Preca, li hija waħda mill-aktar ulied awtentiċi tar-Repubblika ta’ Malta.”
Wara t-tnedija tal-ktieb, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca iltaqgħet ma’ għexieren ta’ nies li marru l-Palazz biex ikollhom kopja tal-ktieb iffirmat. Hija se tkun qed tiltaqa’ wkoll għada l-Ħadd 24 ta’ Marzu ukoll se tkun qed tiltaqa’ man-nies fil-Banca Giuratale f’Għawdex fl-10.00a.m. Nhar il-Ħadd 31 ta’ Marzu, il-President ser tiftaħ ukoll il-bibien tal-Palazz ta’ San Anton fejn ser tingħata l-opportunità biex wieħed jiltaqa’ magħha u apparti li jkun jista’ jikseb kopja ta’ dan il-ktieb, wieħed ikun jista’ jżur ix-xogħol li sar fil-Palazz.
Dan il-ktieb ser ikun qiegħed jinbiegħ b’risq il-Malta Community Chest Fund Foundation, u jista’ jinxtara waqt dawn l-istess attivitajiet.