L-Uffiċċju tal-President organizza serata b’tifkira tal-ewwel President ta’ Malta, Sir Anthony Mamo, f’għeluq l-għaxar snin minn mewtu, flimkien ma’ wirja b’tifkiriet ta’ Sir Anthony Mamo, fil-Kamra Statali msemmija għalih fil-Palazz.
Is-serata kienet imżewqa b’kitbiet ta’ Sir Anthony Mamo, moqrija minn Amy Camilleri, kontribuzzjonijiet minn Dr Louis Galea u Dr Alex Sceberras Trigona, flimkien ma’ siltiet mużikali mill-vjolinista Doriana Vella.
Sir Anthony Mamo (1909-2008) kellu sehem mill-aktar importanti fil-ġrajjiet ta’ Malta wara t-Tieni Gwerra Dinjija – mill-mixja għall-Indipendenza mill-Ingilterra fl-1964 sat-triq li minn monarkija sawritna f’Repubblika fi ħdan il-Commonwealth u li tagħha kien elett l-ewwel President.
F’diskors fl-aħħar tas-serata komemorattiva, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li Sir Anthony Mamo kellu għadd ta’ kwalitajiet u valuri li għandhom ikunu ta’ mudell għal kull min iħoss li jiddedika ħajtu, fil-ħajja pubblika.
“Fi żmien il-qalba, minn monarkija kostituzzjoni, għall-kostituzzjoni repubblikana, Sir Anthony Mamo kien kapaċi jisma’ u kien kapaċi jgib lill-partiti flimkien. B’dan il-mod, huwa ħoloq pont ta’ kompromess, li wassal biex Malta issir Repubblika,” tenniet il-President.
Bis-saħħa tal-ħidma u l-istil tiegħu, Sir Anthony Mamo rnexxielu jġib kunsens u witta t-triq biex dawn il-bidliet iseħħu bl-aktar mod kalm u ċivili f’pajjiż daqstant ċkejken u polarizzat. Mill-1971 sal-1974 kien l-aħħar u l-uniku Gvernatur Malti li f’isem ir-Reġina mexxa d-diskussjonijiet bejn iż-żewġ partiti rivali ewlenin tal-pajjiż.
Bil-persważjoni u l-ħila tiegħu, il-Parlament approva b’maġġoranza kbira l-kostituzzjoni l-ġdida u ddikjara lil Malta bħala Repubblika fuq il-mudell ta’ Westminster. Għall-mod dinjituż u skrupluż fit-tħaddim tal-protokol, Mamo kien l-aktar persuna ideali bħala Kap ta’ Stat, pożizzjoni li huwa ħaddan b’dinjità kbira sa Diċembru 1976.