It-Tlieta filgħaxija, fl-ewwel ġurnata tal-konsultazzjoni dwar is-suq tal-kera, is-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes preżenta kopja tal-White Paper lill-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca.
Waqt il-preżentazzjoni, Galdes irrimarka kif is-suq tal-lum mhuwiex l-ideali, b’bosta familji li jikru jkollhom jgħixu fil-biża li jġorru minn raħal għal ieħor kull ftit xhur. Semma wkoll kif żidiet mhux stipulati u nuqqas ta’ kuntratti reġistrati huma wħud mir-raġunijiet li qed iwasslu għal suq instabbli.
“F’dan il-kuntest, il-White Paper għandha l-għan prinċipali li ddaħħal l-istabililtà u l-prevedibilità meta jsiru dawn il-kuntratti. B’hekk mhux biss min jikri iżda anke s-sid ikun jista’ jippjana aktar fit-tul u b’aktar serħan il-moħħ,” sostna Roderick Galdes.
Il-President irringrazzjat lis-Segretarjat li ħadem fuq il-White Paper, u ddeskrivietha bħala, “bidu tajjeb għax ibbażata fuq riċerka estensiva.” Hi esprimiet it-tama li ladarba tasal fi tmiemha l-konsultazzjoni, din tkun segwita b’azzjoni konkreta u infurzar tal-proposti.