Waqt attività organizzata minn EkoSkola u l-Forum Nazzjonali Familja fl-Iskola Sekondarja tas-Subien fir-Rabat Għawdex bit-tema ‘Il-Ħajja sostenibbli tibda fil-Familja’, numru ta’ studenti Għawdxin urew ix-xewqa tagħhom li jqattgħu aktar ħin mal-ġenituri tagħhom.
B’reazzjoni għal dan, il-President Marie-Louise Coleiro Preca qalet li qed tingħata viżibilità ħafna akbar tal-bżonnijiet tal-familja Maltija bil-għan li s-soċjetà tibqa’ tissaħħaħ.
Matul din l-attività numru ta’ studenti minn seba’ skejjel differenti madwar Għawdex urew il-preokkupazzjonijiet tagħhom dwar in-nuqqas ta’ faċilitajiet f’Għawdex li fihom iqattgħu l-ħin liberu tagħhom.
Tkellmu wkoll dwar nuqqas ta’ opportunitajiet fil-gżira Għawdxija u kif iż-żgħażagħ Għawdxin bilfors ikollhom imorru Malta jew saħansitra jsiefru, biex isibu xogħol.
Xi ħaġa oħra li qed twassal għal iżolament, qalu l-istudenti, hija t-tekoloġija, li minkejja l-effetti pożittivi li qed tħalli, qed temarġina persuni li jispiċċaw dipendenti fuq id-dinja diġitali.
Hawnhekk il-President tkellmet l-importanza ta’ faċilitajiet li fihom il-familji Għawdxin iqattgħu l-ħin flimkien, kemm għas-saħħa fiżika tagħhom kif ukoll għas-saħħa mentali.
Fakkret li aħna lkoll prodott tal-ambjent li trabbejna fih, għaldaqstant huwa kruċjali li l-ġenituri jsibu l-ħin biex jgħaddu dawn il-valuri lill-uliedhom.
Din l-attività ta’ EkoSkola hija parti minn proċess nazzjonali li matulu qed issir konsultazzjoni dwar il-familja.