Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca żaret id-diretturi tal-iskola Medika Bart’s f’Londra flimkien mal-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa Dr. Konrad Mizzi, fejn tħabbar li jinsabu fi stadju avvanzat in-negozjati biex Bart’s jiftaħ skola medika f’Għawdex. Din l-iskola medika hija ppjanata li tkun fl-isptar t’Għawdex.
Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għal dawn in-negozjati fejn spjegat li l-gżejjer Maltin huma l-post ideali biex isir investiment minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħhom bejn il-kontinenti u minħabba l-għarfien ta’ kulturi differenti li Malta għandha.
Il-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa Dr. Konrad Mizzi qal li n-negozjati bdew madwar għaxar xhur ilu b’Memorandum of Understanding u issa qegħdin fi stadju avvanzat ħafna biex tiftaħ din l-iskola medika f’Għawdex li se tkun qed timmira li ġġib studenti barranin.
Dr. Mizzi wiegħed l-impenn tal-Gvern Malti għal dan il-proġett. Id-dekan tal-iskola Medika ta’ Bart’s, il-Professur Anthony Warrens qal li n-negozjati daqt jingħalqu u li proġett bħal dan se jsarraf f’ġid għal Malta minħabba li din l-iskola medika hija l-eqdem waħda li teżisti fl-Ingilterra, b’esperjenza kbira fil-qasam mediku.
Għal din il-laqgħa attenda s-Sur Mario Galea f’isem il-Malta Enterprise, u l-Kummissarju Għoli Malti fl-Ingilterra, is-Sur Norman Hamilton.