Waqt il-wirja tradizzjonali tal-Biedja u s-Snajja’ organizzata mis-Soċjetà Agrikola, Industrijali u Kulturali Għawdxija, magħrufa aħjar bħala l-Wirja ta’ Santa Marija f’Villa Rundle, fir-Rabat Għawdex, il-President Marie-Louise Coleiro Preca qalet li l-biedja għandha sehem qawwi soċjali fis-soċjetà.
Filwaqt li sellmet lill-bdiewa u lir-raħħala Għawdxin tal-impenn tagħhom favur prodott Għawdxi ta’ kwalità, qalet li l-messaġġ li wieħed għandu jwassal huwa li l-ħxejjex għandhom ikunu parti integrali mid-dieta tal-poplu.
Dan għaliex skont statistika uffiċjali, pajjiżna għandu rata għolja ta’ obeżità. Għaldaqstant dieta tajba hija kruċjali biex tiġġieled ċertu kundizzjonijiet mediċi li jista’ jġib miegħu l-piż żejjed.
Tkellmet dwar il-viżibilità li l-Presidenza bdiet tagħti lill-Għawdex, fosthom permezz ta’ The President’s Ball fit-Tempji tal-Ġgantija fit-30 ta’ Awwissu li ġej.
Qalet li l-Presidenza hija kommessa li tkompli tiġbor fondi għall-Malta Community Chest Fund bil-għan li tkun tista’ tassisti persuni li għandhom il-marda tal-kanċer u persuni oħra vulnerabbli fis-soċjetà tagħna.
Min-naħa tiegħu l-Ministru għal Ghawdex Anton Refalo qal li skont ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika rriżulta li t-total ta’ prodott li daħal fil-pitkalija fis-sena 2013 kien ta’ 2.2 Miljun Ewro; żieda ta’ 107 elf Ewro fuq is-sena ta’ qabel.
Il-Ministru qal li dan il-Gvern ħa ħsieb biex għall-perjodu 2014-2020 jkun hemm aktar fondi allokati għal Għawdex taħt “Heading 2 – Agrikultura”. Dan ikun ifisser li Għawdex jibbenefika minn iktar fondi Ewropej għall-agrikultura fil-perjodu 2014-2020 milli dak preċedenti 2007-2013. Għaldaqstant apparti l-10% li jaqgħu taħt il-Cohesion Policy (78 miljun euro) se jiġu allokati 32 miljun Ewro oħra għal Għawdex. Din turi l-impenn tal-Gvern u l-fiduċja li għandu f’dan il-qasam.
Il-Ministru Anton Refalo temm jirringrazzja lil dawk kollha involuti f’din il-wirja u wiegħed li jkompli bil-ħidma tiegħu biex jassigura li l-produtturi Għawdxin jingħataw l-għajnuniet kollha possibli biex ikomplu fil-ħidma tagħhom.