Il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, ħeġġet lill-poplu Malti u Għawdxi biex ikun involut fil-proċess ta’ konsultazzjoni b’rabta mal-White Paper imressqa dwar ir-riforma tal-liġijiet dwar id-drogi tal-abbuż.
Il-President Coleiro Preca sostniet dan waqt Jum il-Gradwazzjoni organizzat mill-Caritas fejn għoxrin persuna temmew b’suċċess il-programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga.
Fl-indirizz tagħha, il-President ta’ Malta qalet li jeħtieġ li kulħadd jersaq ’il quddiem biex jiġi assigurat li l-aspirazzjonijiet tal-poplu tagħna jkunu riflessi fil-liġijiet ta’ pajjiżna.
Spjegat li permezz tat-twaqqif taċ-Ċentru ta’ Ħelsien mill-Vizzji fi ħdan il-Fondazzjoni tal-President għal Ġid tas-Soċjetà mnedija ftit tal-ġimgħat ilu, din il-Presidenza qed tkun katalista biex tipprovdi pjattaforma ħalli tgħin u tikkopera mal-Caritas u kull organizzazzjoni oħra f’dan il-qasam.
Il-President Coleiro Preca faħħret lill-gradwati u sostniet li s-soċjetà trid tgħaraf fejn waslu dawn il-persuni u għandha dmir li tiftħilhom il-bibien għall-opportunitajiet.
“Aħna soċjetà li rridu nirriflettu tassew il-valur tal-imħabba u m’għandniex nitilfu lanqas persuna waħda minn fostna, għad-dulur li ġġib il-ħajja fid-droga”, sostniet il-President.
Fl-indirizz tagħha tat ukoll kuraġġ lil dawk li għadhom ma waslux sal-aħħar u talbithom jistinkaw aktar.
Fi tmiem id-diskors, il-President Coleiro Preca tat ħajr profond lill-Caritas li qed tiċċelebra tletin sena mit-twaqqif taċ-ċentri tagħha u f’isem il-poplu Malti u Għawdxi kollhu rringrazzjat lill-Monsinjur Victor Grech li ddeskrivietu bħala fundatur qalbieni li salva tant familji.