Titlu:
“Ejjew naħdmu flimkien biex ikollna dinja, fejn il-bnedmin u l-ambjent jiffjorixxu flimkien f’armonija u f’paċi. Dan mhux biss itejjeb il-‘wellbeing’ tagħna stess u dak tal-familji u l-komunitajiet tagħna, iżda jsaħħaħ l-ekosistemi importanti li jagħtu l-ħajja lil pajjiżna”.
L-Eċċellenza Tagħha, Marie-Louise Coleiro Preca, President ta’ Malta
Hekk tenniet il-President ta’ Malta waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-Premju Nazzjonali Buonamico mogħti mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) biex jitfakkar ‘World Wildlife Day’.
Filwaqt li ferħet lis-Sur Edwin Lanfranco, s-Sur Joe Sultana, u s-Sur David Dandria tal kontribut siewi li taw sabiex jitkattar l-għarfien Malti dwar il-bijodiversità u l-wirt ambjentali nazzjonali, tagħthom ħajr f’isem il-poplu Malti u Għawdxi.
Il-President ta’ Malta, esprimiet ix-xewqa li l-isforzi tagħhom, sabiex jassigurae il-wirt nazzjonali ambjentali tagħna, jibqa’ fuq nett ta’ l-aġenda ta’ pajjiżna. Dan jista’ jseħħ b’parteċipazzjoni tas-soċjeta’ ċivili, bl-edukazzjoni ta’ uliedna u permess tal-‘policies’ li qed jifformolaw l-awtoritajiet tagħna.
Il-President Coleiro Preca qalet li l-bżonn li aħna, bħala pajjiż, nibqgħu niffukaw fuq spazji ħodor u miftuħa, joħroġ ċar mill-visti li tagħmel ta’ spiss fi skejjel u kulleġġi madwar Malta u Għawdex.
Il-President stqarret li t-tfal u ż-żgħażagħ spiss jaqsmu magħha il-passjoni tagħhom għal l-ambjent naturali u l-importanza ta’ l-obbligu li nippreservaw il-wirt naturali għalihom u għall-ġenerazzjonijiet tal-futur.
Il-President Coleiro Preca spjegat kif, il-Fondazzjoni tagħha; Il-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà, kienet involuta sew f’dan ix-xogħol. Permezz ta’ din il-Fondazzjoni nħolqot komunità vibranti ta’ tagħlim, imsejħa l-Ġnien Sigriet tal-President, li toffri lit-tfal l-opportunità biex jitgħallmu u jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom b’mod informali f’ambjent sigur tan-natura.
Il-President qalet li permezz tan-‘National Hub for Ethnobotanical Research’ tal-Fondazzjoni, qed jiffukaw fuq għadd ta’ proġetti li juru l-bżonnijiet tal-bdiewa lokali; il-ħarsien taż-żerriegħa indiġena ta’ Malta; u l-kuntest kulturali tal-wirt ambjentali Malti.
Il-President kompliet tgħid li, filwaqt li nistgħu nitkellmu dwar l-ambjent bħala parti mill-istorja u l-wirt tagħna, m’għandna qatt ninsew illi d-dinja naturali hija essenzjali għall-futur tagħna u ta’ uliedna.
L-Eċċellenza Tagħha tkellmet dwar il-fatt li l-protezzjoni tad-dinja naturali tagħna hija ta’ tħassib madwar id-dinja, u tifforma parti mill-Aġenda tan-Nazzjonijiet Magħquda tal-2030 bis-17-il Għan għal Żvilupp Sostenibbli. Il-President semmiet partikolarment, l-Għanijiet għal Żvilupp Sostenibbli numru 14 (erbatax) u 15 (ħmistax), li jiġbdulna l-attenzjoni għall-bżonn li nipproteġu l-ħajja fuq l-art u fl-oċejani. Bħala gżira, iż-żewġ għanijiet huma essenzjali għall-futur tagħna, f’dak li għandu x’jaqsam mal-ekosistemi naturali tagħna u r-Reġjun Ewro-Mediterran tagħna.
Il-President temmet tgħid, li għal dan il-għan, hija temmen li rridu nagħmlu iżjed sforz, kemm fuq skala nazzjonali kif ukoll fuq dik internazzjonali, sabiex innaqqsu b’mod sinifikanti d-degradazzjoni tal-bijodiversità; noħolqu ambjenti aktar b’saħħithom; u sabiex nindirizzaw l-isfidi ambjentali, inkluż il-faqar u l-prekarjat, li ta’ spiss iġiegħel lil nies jaħarbu minn djarhom u jemigraw, bit-tama li jkollhom ħajja aħjar.
L-Eċċellenza Tagħha ħeġġet lil kullħadd biex ikunu kuraġġjużi u jkomplu jagħmlu pressjoni lill-awtoritajiet tagħna, dawk li jfasslu l-politika, u s-soċjetà ċivili, sabiex ikunu attivisti qawwija għall-protezzjoni tal-wirt naturali ta’ pajjiżna.