Kien b’dawn il-kliem li l-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca ddeskriviet it-tnedija tal-proġett ta’ konservazzjoni tal-affreski ta’ Perez d’Aleccio fil-Palazz, Il-Belt Valletta, proġett li qiegħed jiġi kkoordinat minn Heritage Malta u l-Università ta’ Malta, bil-kollaborazzjoni tal-Uffiċċju tal-President.
Il-President Coleiro Preca qalet li qed ngħarfu dan il-wirt storiku “b’mod li rridu nsostnuh u nikkonservawh, biex uliedna, ulied uliedna u l-ġenerazzjonijiet futuri, ikomplu jgawduh.”
Filwaqt li faħħret ukoll lil dawk kollha involuti għall-kollaborazzjoni li ħolqu bejniethom, il-President qalet ukoll li din hija ċelebrazzjoni ta’ parti mill-identità tagħna, “ta’ parti minn dik l-istorja li għaġnitna bħala poplu.”
Permezz ta’ dan il-proġett, il-President qalet li bħala poplu aħna qegħdin ukoll naqdu impenn li pajjiżna għamel fl-2015, fil-Ġnus Magħquda, meta ġiet approvata l-Aġenda 2030 u s-Sbatax-il Mira għall-Iżvilupp Sostenibbli.
“Mira 11.4 titkellem propju dwar il-protezzjoni u l-ħarsien tal-wirt storiku tagħna. Din hija allura wkoll ċelebrazzjoni li pajjiżna, f’kuntest dinji, qiegħed jikkontribwixxi għall-impenn li ħa fl-2015”, qalet il-President.