“Dan huwa mument ta’ għaqda biex nimxu ’l quddiem”

Waqt li l-President ta’ Malta kienet intervistata minn Claudette Abela Baldacchino, fuq il-programm ‘Is-Suġġett,’ hi appellat biex il-poplu Malti u Għawdxi jinża’ l-libsa tal-partiġġjaniżmu u jingħaqad, ħalli dan il-mument ta’ dieqa nitgħallmu minnu u nimxu ’l quddiem.

Il-President Coleiro Preca qalet li hija fiduċjuża għaliex mid-diskors li sar fil-Parlament nhar it-Tnejn jidher, li l-mexxejja politiċi qablu fuq il-bżonn ta’ riforma u konvenzjoni kostituzzjonali.

Fuq ir-riforma kostituzzjonali, il-President Coleiro Preca qalet li kull għodda tinbidel maż-żmien biex tilħaq l-esiġenzi taż-żminijiet. Anke il-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna li ilha 53 sena, tinħtieġ tinbidel, biex tlaħħaq mal-bidliet li ġab, u qed iġib il-progress soċjoekonomiku f’pajjiżna.

“Jekk ninbidlu aħna, allura bilfors irridu nbidlu l-għodod tagħna, ta’ kif ngħixu flimkien, ta’ kif nagħmlu pajjiż iktar b’saħħtu, ta’ kif ikollna istituzzjonijiet li aktar jistgħu jaqdu lill-poplu tagħna,” stqarret il-President.

Il-President Coleiro Preca qalet li l-għaqda li hemm fuq livell Parlamentari dwar riforma kostituzzjonali hija bidla mill-aqwa, għaqda li permezz tagħha, “nistgħu naħdmu flimkien biex nagħmlu r-riforma kostituzzjonali li hemm bżonn, u li jipparteċipa fiha kulħadd, ħalli jkollna istituzzjonijiet li jkunu ħafna aktar b’saħħithom u relevanti għaż-żminijiet tal-lum, u li jaqdu tassew l-aspirazzjonijiet tagħna u ta’ uliedna.”