Diskors mill- President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca waqt il-ftuħ ta’ konferenza bl-isem ta’ ‘Are Female Employees Better Off at Work?’ organizzata mill-General Workers’ Union.

Huwa bi pjaċir li qed ningħaqad magħkom għall-konferenza tal-lum dwar il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-qasam tax-xogħol f’Malta.

Il-ħtieġa tal-ugwaljanza u it-tgawdija tad-dinjità għal kulħadd, għandha tkun ċentrali fit-tfassil tal-policies u fl-implimentazzjoni tagħhom. B’hekk nistgħu nassiguraw li jkollna postijiet tax-xogħol li jinkludu tassew lil kulħadd.

Minkejja l-avvanzi kbar favur l-ugwaljanza li seħħew f’pajjiżna matul iż-żminijiet, għad hemm sitwazzjonijiet serji ta’ inugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel f’pajjiżna.

Għaldaqstant, filwaqt li bħala soċjetà għandna biex nkunu kburin għal dak li rnexxielna niksbu, illum irrid nikkonċentra fuq aspetti varji li fuqhom, għad fadlilna ħafna x’nagħmlu.

Fil-kontribuzzjoni tiegħi nittama li nagħti stampa realistika, sabiex din il-konferenza tkun waħda kostruttiva u utli, biex naħdmu aħjar flimkien. Il-kisba ta’ l-ugwaljanza sħiħa u effettiva, hija responsabbiltà tagħna lkoll flimkien.

Għalhekk, biex inqiegħed l-affarijiet f’kuntest, se nirreferi għal xi indikaturi li qed juruna bl-aktar mod ċar dawk l-oqsma li jeħtieġ naħdmu aktar dwarhom f’pajjiżna.

L-aħħar Gender Equality Index maħruġ mill-World Economic Forum, juri li fl-2016, Malta ġiet fil-108 post minn 144 pajjiż f’dawk li huma rankings internazzjonali.

F’dawk li huma rankings Ewropej, Malta kisbet persentaġġ ta’ 46.8% fl-aħħar Gender Equality Index tal-2016 maħruġ mill-European Institute for Gender Equality tal-Unjoni Ewropea.

L-istess indiċi jkejjel l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel f’sitt oqsma importanti li huma: ix-xogħol, il-flus, it-tagħrif, il-ħin, il-poter u s-saħħa. Imbagħad, dan l-indiċi jagħti numru ta’ punti lil kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

Jiġifieri skor ta’ punt wieħed jindika inugwaljanza totali, filwaqt li skor ta’ 100 punt jindika ugwaljanza sħiħa. Għalhekk Malta, bi skor ta’ 46.8%, għadha ma waslitx lanqas nofs triq fl-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.Sadanittant, l-istess indiċi mill-European Institute for Gender Equality tal-Unjoni Ewropea qed juri sinjali pożittivi, fejn jidħol id-distakk bejn in-nisa u l-irġiel Maltin, fil-qasam tax-xogħol. Liema distakk huwa ta’ 25%.

Irrid ninnota b’sodisfazzjon ukoll, li ż-żieda fin-numru ta’ nisa jaħdmu kien fuq bażi full-time.Nemmen li dan kien b’riżultat tal-miżura għaqlija u responsabbli, tal-introduzzjoni u l-ftuħ ta’ Child Care Centres madwar Malta.

Minkejja dan, ma nistgħux naljenaw moħħna, għaliex minkejja din iż-żieda pożittiva fl-aħħar snin, fil-parteċipazzjoni tal-Mara fil-qasam tax-xogħol, qed ikun indikat tħassib ieħor soċjali u kulturali li rridu nieħdu bis-serjetà.

Skont riċerka ppubblikata fl-2016 mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, kważi waħda minn kull erba’ nisa Maltin, qed isostnu li ma jistgħux jaħdmu minħabba responsabbiltajiet personali u tal-familja.

Fl-istess waqt, in-numru ta’ irġiel Maltin li qed jgħidu li ma jistgħux jaħdmu għall-istess raġunijiet huwa, negliġibbli – jiġifieri inqas minn 20 raġel b’kollox.

F’dan il-kuntest, nixtieq li nagħmel xi mistoqsijiet, biex nirriflettu fuqhom, u bl-iskop li ngħinkom tistimulaw aktar il-ħsieb għal waqt id-diskussjoni tagħkom illum.

Għalhekk nibda biex nistaqsi:

X’inhuma r-raġunijiet għal din id-diskrepanza?

X’inhuma l-fatturi ta’ kultura u drawwiet li qed inaqqsu l-parteċipazzjoni attiva ta’ nisa fid-dinja tax-xogħol?

Kif nistgħu naħdmu aktar flimkien biex inkomplu nħajru lis-soċjetà Maltija tkun aktar miftuħa ħalli tassigura l-inklużjoni sħiħa tan-nisa fid-dinja tax-xogħol.

Fost l-indikazzjonijiet li qed jagħtuna l-esperti, qed jindikaw illi:

  • l-ħin qasir tal-iskola, kif ukoll
  • l-irwol tradizzjonali li jżomm lill-mara milli jkollha aċċess għal xogħol f’ċerti setturi.

Dawn il-fatturi kollha qed jikkontribbwixxu għal din is-sitwazzjoni. Bla dubju, hemm aktar fatturi li qed jkollhom impatt negattiv fuq il-parteċipazzjoni tal-mara fil-qasam tax-xogħol. Jien konvinta li dawn il-fatturi ser jkunu ċentrali fid-diskussjoni tagħkom illum.

Sfida oħra li qed ixxekkel l-ugwaljanza sħiħa bejn is-sessi f’Malta, hija fejn għandu x’jaqsam mal-ħin li n-nisa u l-irġiel iqattgħu fuq xogħol bla ħlas, bħal meta jieħdu ħsieb xi membru tal-familja, jagħmlu x-xogħol tad-dar u attivitajiet soċjali oħra.

L-indiċi dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja qed jindika li l-isfida għan-nisa Maltin kompliet tikber, għaliex, mill-2005 ’l hawn, dan l-indiktatur naqas b’10.6%. Dan ifisser li n-nisa Maltin:

  • qed iqattgħu aktar ħin jieħdu ħsieb lil xi ħadd, milli fuq attivitajiet ta’ divertiment, sport, jew volontarjat, iġifieri attivitajiet ta’ relassament.   Dan ifisser li ħafna nisa Maltin neqsin mill-ħin ħieles.

Dan jkompli juri li n-nisa Maltin għandhom sfidi akbar biex isibu bilanċ b’saħtu bejn ix-xogħol u l-ħajja. Liema bilanċ, huwa essenzjali għall-wellbeing tagħhom u b’mod indirett, għall-familji tagħhom u l-komunitajiet fejn jgħixu.

Dan ifisser ukoll li jeħtieġ li bħala soċjetà nieħdu l-azzjonijiet meħtieġa ħalli nkomplu nibdlu l-mentalità u d-drawwiet tradizzjonali dwar ir-rwoli tan-nisa u l-irġiel fil-familja u fil-post tax-xogħol.

Dan ifisser, li, minkejja kollox, ħafna nisa Maltin għadhom jgħixu fi strutturi sterjotipati.

Nemmen tassew li rridu nagħmlu aktar biex niżguraw li r-responsabbiltajiet li ġġorr persuna biex tieħu ħsieb lil xi ħadd, għandhom jkunu maqsuma b’aktar ekwità. B’hekk nassiguraw li n-nisa Maltin ma jibqgħux fil-maġġoranza tagħhom iġorru dan il-piż waħedhom.

Dan kollu qed jurina li rridu nkomplu nżidu l-isforzi tagħna biex tiżdied il-possibilità ta’ xogħol flessibbli u family-friendly, jew favur il-familja.

Hawnhekk, nappella, anke lit-trade unions biex fil-proċess tan-negozjar ta’ ftehimi kollettivi, iżommu ċentrali dawn l-isfidi soċjali, li jaffetwaw bl-aktar mod dirett, is-sistema ta’ inklużjoni u ugwaljanza.

Kwistjoni oħra, li għandhom ukoll jidħlu fiha it-trade unions, hija dik li għandha x’taqsam mad-differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa. B’dispjaċir jkolli ngħid li, filwaqt li għal ħafna snin Malta kellha waħda mill-inqas distakki fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel, fost il-membri tal-UE, fl-aħħar kwart tal-2016, kien hemm żieda fid-distakk ta’ 6.1% bejn il-pagi. Jiġifieri,skont informazzjoni tal-Eurostat ippubblikata fl-2016, dan id-distakk tela’ minn 4.5% fl-2014 għal 10.6% fl-2016.

Irrid ngħid ukoll li, dan id-distakk għadu taħt il-medja tal-UE, jiġifieri ta’ 16.1%. Madanakollu dan l-indikatur, fil-kuntest tagħna qed jurina li l-awtoritajiet tagħna ma’ jistgħux jibqgħu passivi quddiem din il-kwistjoni.

Hawnhekk, irrid nappella lill-istakeholders kollha, li għandhom rwol importanti fil-qasam tax-xogħol, biex jaħdmu ħalli jassiguraw li dan id-distakk kbir fil-pagi bejn in-nisa u l-irġiel, ma jkomplix jikber. L-importanza tal-azzjoni tagħhom, fl-iqsar żmien hija kruċjali.

Aspetti importanti oħra, li joħorġu minn indikaturi uffiċjali, u li jinħtieġ li, bħala pajjiż, nagħtuhom l-importanza meħtieġa, u nindirizzawhom, huwa marbut mal-fatt, li Malta tinsab fl-aħħar postijiet f’dak li għandu x’jaqsam mal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika u fil-qasam tal-kummerċ.

Fil-fatt, f’pajjiżna, fil-qasam tal-kummerċ, n-nisa huma ndikati bi skor ta’ 28.2% tar-rata skont l-indiċi tal-European Institue for Gender Equality.

Eżempju ieħor tal-ħtieġa ta’ azzjoni fl-iqsar żmien, huwa l-fatt, li 5% biss tal-membri tal-bordijiet ta’ kumpaniji kbar f’Malta huma nisa, meta mqabbla mal-medja ta’ 23.3% fl-Unjoni Ewropea.

Sadanittant, bejn Ottubru tal-2010 u April tal-2016, iż-żieda tan-numru ta’ nisa fuq dawn il-bordijiet kienet waħda mill-aktar minima u kienet tammonta għal żieda ta’ 2.7% biss f’sitt snin, u din skont informazzjoni ppubblikata mill-Kummissjoni Ewropea għas-sena 2016.

Bl-istess mod, in-numru ta’ nisa f’karigi għoljin, bħal Uffiċjali Eżekuttivi, fl-aqwa 20 korporazzjonijiet u aġenziji tal-gvern, waqa’ minn 29% fl-2012 għal 16% fl-2014.

Ta’ min jinnota wkoll illi Malta m’għandhiex sistema ta’ kwoti, u m’hemm l-ebda miżura oħra nazzjonali li tassigura bilanċ bejn is-sessi fuq il-bordijiet.

Nemmen li sabiex nassiguraw bidla kredibbli u fit-tul f’din is-sitwazzjoni prekarja, li għadhom qed jaffaċċjaw ħafna nisa li qed ifittxu xogħol dinjituż f’Malta, irridu nkomplu nsaħħu s-sistema edukattiva tagħna.

Irridu nesploraw b’kuraġġ u b’mod kritiku l-attitudnijiet u t-twemmin kulturali tagħna li, ħafna drabi, nieħduh “for granted”.

Jenħtieġ li nrawmu aktar sinerġiji bejn l-awtoritajiet, l-attivisti fis-soċjetà ċivili, u l-esperjenzi reali tan-nisa fil-postijiet tax-xogħol f’pajjiżna, sabiex nassiguraw li dawn l-isfidi nindirrizzawhom b’mod ħolistiku w totali.

Flimkien irridu nsibu t-triq għal futur. It-triq li mhux biss tippromwovi l-ġid tan-nisa kollha, iżda it-triq ta’ inklużjoni sħiħa u effettiva f’pajjiżna. It-triq li tassigura l-aqwa u l-aħjar benefiċċju tas-soċjetà Maltija, fejn in-nisa u l-irġiel ikunu ivvalutati bl-istess kejl u l-istess perspettiva.

Din it-triq ma tinkisibx bil-legiżlazzjoni biss. Din it-triq tinkiseb ukoll bl-attitudnijiet inklussivi, b’edukazzjoni ħolistika, b’azzjonijiet pożittivi u miżuri prattiċi, kull fejn hemm bżonn.

Grazzi.