Diskors mill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, waqt il-ftuħ ta’ konferenza dwar is-saħħa mentali tal-omm.

Sinjuri,
 
Hu pjaċir tiegħi li ningħaqad magħkom għal dil-konferenza illum, biex niddiskutu s-suġġett importanti li hu s-saħħa mentali tal-omm. Din il-konferenza tfakkar ukoll il-World Maternal Mental Health Day, li tiġi ċċelebrata fl-4 ta’ Mejju.
 
Ejjew naħtfu din l-opportunità biex naraw x’nistgħu nagħmlu aħna flimkien, u f’lir-rwoli rispettivi tagħna fis-soċjetà, biex nibnu komunitajiet fejn issues ta’ saħħa mentali ma jitqiesux bħala stigma; fejn in-nies iħossuhom komdi li jistqarru l-esperjenzi tagħhom; u l-familji jkollhom aċċess għall-kura li jinħtieġu f’ambjent ta’ fiduċja u rispett.
 
Dan ifisser li rridu naħdmu biex ikollna komunitajiet reżiljenti għax ikollhom l-appoġġ meħtieġ b’riżorsi xierqa.
 
Din il-konferenza se tikkonċentra l-attenzjoni lejn dak li jinkwieta lill-ommijiet u l-familji. Minħabba t-tibdil fil-ħajja u s-saħħa tal-omm matul it-tqala, in-nisa jistgħu jsiru aktar vulnerabbli għal problemi ta’ saħħa mentali.
 
Nafu li ċerti aspetti ta’ dawn il-kundizzjonijiet jistgħu jaffettwaw ukoll b’mod dirett lit-tarbija fil-ġuf jew l-ulied, b’konsegwenzi fit-tul fuq il-kapaċitajiet tagħhom fiżiċi, intellettwali, u emozzjonali.
 
Għaldaqstant, kura mentali effettiva hija essenzjali jekk irridu li n-nisa u l-ulied jingħataw il-ħarsien u d-dinjità li jistħoqqilhom.
 
Nemmen li għandna nsaħħu r-reżiljenza tal-mara f’kull stadju tal-ħajja, b’mod li tkun kapaċi tiffaċċja ċirkostanzi diffiċli u li tħossha mwensa biżżejjed biex tagħti l-aħjar trobbija possibbli lil uliedha. Il-ħarsien tal-ommijiet huwa intervent pożittiv u essenzjali għall-iżvilupp soċjali tal-familji u l-komunitajiet tagħna u wkoll għall-ġid tas-soċjetà kollha f’Malta u f’Għawdex.
Bosta studji huma xhieda li investiment fis-saħħa mentali fi stadju bikri għandu impatt qawwi fuq il-ħajja tal-ommijiet, tal-missirijiet, tal-ulied, tal-familji u tas-soċjetà in ġenerali. Għalhekk huwa d-dmir tagħna li ntejbu l-kwalità tal-ħajja tal-ommijiet u t-trabi kollha.
 
Għalhekk jeħtieġ li l-professjonisti fl-oqsma tas-saħħa u dawk soċjali jaħdmu flimkien biex jgħinu lil nisa li qed jgħixu f’dawn il-kundizzjonijiet. Jinħtieġ li din il-ħidma multi- u inter- dixxiplinarja tkompli, qabel u anke wara l-ħlas.
 
Ir-riċerka turina li f’ħafna pajjiżi, waħda minn kull ħames ommijiet ġodda tgħaddi minn esperjenza ta’ xi tip ta’ ansjetà u burdati ta’ dipressjoni f’dawk il-ġimgħat ta’ qabel u wara l-ħlas.
 
Nafu wkoll li ħafna drabi, din it-tip ta’ kundizzjoni lanqas biss tiġi nnutata u allura ma tingħata l-ebda kura, fatt li bosta drabi ikollu effetti traġiċi u fit-tul kemm għall-omm kif ukoll għat-tarbija.
 
Għalhekk inħeġġiġkom biex ilkoll flimkien inqajmu kuxjenza akbar dwar dan. Din it-tip ta’ kundizzjoni tista’ teffettwa lil nisa ta’ kull kultura, età, livell ta’ għejxien, u anke etniċità. Nafu li s-sintomi jistgħu jitfaċjaw fi kwalunkwe stadju tat-tqala u fl-ewwel tnax-il xahar wara l-ħlas. Nafu wkoll li teżisti kura effettiva li tista’ tkun ta’ għajnuna kbira għall-fejqan.
 
Jinħtieġ li s-soċjetà ċivili f’dan is-settur tkompli xxerred il-kelma, tqajjem kuxjenza biex tinfluwenza l-policy. Hemm bżonn urġenti biex inkomplu nikkumbattu l-istigma li għadha toħloq mistħija u introvertiżmu għal min ibati minn dawn id-diffikultajiet.
 
Ħadd ma jistħi jitlob l-għajnuna għax jikser siequ. Għaliex allura nisa li jkollhom bżonn l-għajnuna minħabba problemi ta’ saħħa mentali jistħu jersqu ’l quddiem, saħansitra anke fil-konfini tal-familja tagħhom. Hemm bżonn naħdmu bis-sħiħ biex din l-istigma negħlbuha kompletament.  
 
Hemm mumenti u ċirkostanzi fejn nisa b’dawn il-problemi jitqisu ta’ kriminali flok nies li għandhom bżonn il-kura. Jinħtieġ li nrażżnu l-potenzjal tal-eskalazzjoni tas-sintomi u nippromwovu kura dinjituża, bbażata fix-xjenza.
 
Ejjew nibbuttaw ’l quddiem bidla fl-attitudni.  
 
Ejjew naħdmu għal trasformazzjoni soċjali bl-għan li ntejbu il-kwalità tal-kura, u neqirdu darba għal dejjem l-istigma tal-problemi ta’ saħħa mentali matern.
 
Ejjew nħeġġu lill-professjonisti tal-kura mentali, lill-ħbieb, u lill-qraba ta’ ommijiet ġodda biex jistaqsuha kif qed tħossha u li jinkoraġġuha tfittex l-għajnuna jekk ikollha bżonnha.
 
Inħeġġeġ lin-nisa Maltin u Għawdxin biex ma jibqgħux lura minħabba l-mistħija, jew jinjoraw is-sintomi li jħossu.
 
Fin-nuqqas ta’ kompassjoni, appoġġ, u kura, dawn id-diffikultajiet mentali jistgħu jkollhom impatt devastanti fuq in-nisa li jinħakmu minnu, fuq is-sieħeb tagħhom, fuq il-familja, u l-komunità fejn jgħixu.
 
Fl-aħħarnett, inħeġġeġ biex nikkommettu ruħna li naħdmu għal strateġija integrata fis-saħħa mentali tal-familja, li tgħin liż-żewġ ġenituri jegħlbu id-diffikultajiet tal-perjodu ta’ wara l-ħlas u jimxu ’l quddiem u jirnexxu bħala familja magħquda.
 
Is-saħħa mentali tal-omm għandha tkun prijorità fl-aġenda tagħna, jekk tassew għandna l-ġid tal-familja u tal-komunità tagħna għal qalbna.  
 
Hija t-tama tiegħi li okkażjonijiet bħal dawn tal-lum iservu biex inqajmu kuxjenza; iservu biex inkabbru l-fiduċja tan-nisa fihom infushom u biex insaħħu l-komunitajiet tagħna; fuq kollox, biex iservu biex il-prijorità tagħna tkun dejjem il-ġid tal-poplu tal-Gżejjer Maltin.
 
Grazzi.