Diskors mill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, waqt il-ftuħ ta’ seminar dwar ir-rwol u ħidma tat-Trade Unions favur Anzjanita’ Attiva permezz ta’ negozjar kollettiv

Nsellmilkom u nagħtikom merħba għal din l-attività tal-Forum Nazzjonali tat-Trade Unions.

 Fil-fatt dan huwa t-tieni seminar minn sensiela li huma ppjanati għal din is-sena fil-qafas tal-Forum Nazzjonali tat-Trejd Unjons, li rnexxilna nvaraw, bir-rieda u bl-għajnuna kbira tagħkom, is-sena l-oħra.

 Is-suġġett tal-lum imissna mill-qrib ilkoll kemm aħna.

 Inizjattivi favur anzjanità attiva – active ageing – huma msejsa fuq diversi prinċipji.

 Nibda bil-prinċipju tal-ġustizzja soċjali – id-dritt li persuni jibqgħu attivi u jagħtu sehem fis-socjetà tagħhom, sakemm ikun jiflaħ jagħmel dan.

 Prinċipju importanti huwa r-rikonoxximent tas-soċjetajiet ta’ żminijietna lejn nies li qed jikbru fl-età.  Din hija frott is-sitwazzjoni demografika ta’ pajjiżna, fejn ħafna aktar nies qed jgħixu aktar u aħjar, b’saħħa mentali u fiżika tajba, u b’rieda li jibqgħu attivi.

 Għandu jkun hemm ukoll apprezzament tal-ħiliet u snajja’ li joffru tant persuni mdaħħla fl-età, esperjenza li ġabuha maż-żmien.  Dawn il-persuni għad jistgħu joffru l-kapaċitajiet tagħhom għal ħafna aktar snin matul ħajjithom.

 Spiċċa ż-żmien fejn il-politika favur l-anzjani kienet prattikament tfisser politika favur sptarijiet, polyclinics, tobba u mediċini.

 Dawn il-miżuri soċjali għandhom jibqgħu, u ma nistgħux ninsewhom.

 Imma magħhom iridu jiżdiedu inizjattivi oħra li jagħmlu parti minn pjan konsolidat u strateġiku favur kwalità ta’ ħajja mill-aħjar għall-anzjani Maltin u Għawdxin.

 Qed nitkellmu għalhekk fuq rivoluzzjoni demografika b’riperkussjonijiet serji u għat-tul f’kull qasam immaġinabbli tal-ħajja.

 Eluf ta’ persuni anzjani li jibqgħu attivi minflok passivi, li jikkontribwixxu lis-soċjetà, jaħdmu u jaqilgħu l-flus, jew attivi fil-qasam vast tal-voluntarjat, jinvolvu rwieħhom fl-edukazzjoni, sport u oqsma oħra ta’ divertiment.

Il-Gvern ikkumissjona u ħaddan politika nazzjonali u strateġika favur l-anzjanità attiva, u ma jistax jonqos li atturi oħra fil-kamp soċjali, ekonomiku u politiku jagħmlu eżerċizzju simili ta’ riflessjoni li jwassal għal azzjoni speċjalizzata f’xi settur jew ieħor favur anzjanità attiva.

 Fost dawn hemm it-trejd unjons.

 Dawn għandhom diversi raġunijiet għaliex iħaddnu l-anzjanità attiva.

 Eluf ta’ pensjonanti huma diġa membri ta’ trejd unjons f’Malta.

 Anzjani oħrajn diġà qed jaħdmu part-time, b’kuntratt definit jew anki b’paga regolari u kuntratt mhux definit lil hinn minn età stabbilita ta’ rtirar.

 Is-sidien tal-kumpaniji wkoll qed iħabbtu wiċċhom ma’ l-opportunitajiet ġodda li toffri l-anzjanità attiva, u allura l-ftehim kollettiv joffri mezz ideali sabiex iż-żewġ partijiet, min iħaddem u t-trejd unjons, jorqmu u jagħġnu flimkien id-dettalji ta’ kif għandha sseħħ l-anzjanità attiva fid-diversi postijiet tax-xogħol f’pajjiżna fejn it-trade unions għandhom impatt.

 Il-politika nazzjonali favur l-anzjanità attiva, fil-qafas ukoll ta’ politika ewropea fuq dan l-istess suġġett, taħseb għal parteċipazzjoni aktar attiva, ta’ rġiel u nisa, fis-suq tax-xogħol.

 Taħseb għal aktar edukazzjoni tul il-ħajja, inkluż taħriġ kif ukoll tagħlim u gwida vokazzjonali.

 Tissuġġerixxi kuxjenza favur u apprezzament għad-diversità tal-ħaddiema anki f’sens ta’ età, u mhux biss ta’ bżonnijiet speċjali, twemmin, nisel etniku jew razzjali, u orjentazzjoni sesswali.

 Twissi kontra diskriminazzjoni fuq il-postijiet tax-xogħol fuq bażi ta’ età, u tħeġġeġ it-trasferiment ta’ esperjenzi bejn ħaddiem anzjan u ieħor iżgħar minnu.

 Dawn huma fil-maġġoranza tagħhom linji gwida, u jista’ jagħti l-każ li, waqt li ċertu miżuri jmisshom u għandhom jiġu fis-seħħ u mħarsa permezz ta’ liġi, oħrajn jaqbel li jiġu mfassla u mirquma skond il-kriterji speċifiċi ta’ post jew settur ta’ xogħol partikolari. U allura, l-ftehim kollettiv jista’ jkun, forsi għandu jkun, il-mekkaniżmu ewlieni li permezz tiegħu l-kundizzjonijiet ta’ mpjieg ta’ madwar 70,000 ħaddiem Malti u Għawdxi jsiru aktar adattati għal dinja ta’ anzjanità attiva, u eżempju ta’ best practice, mudell ta’ x’jista’ jiġi implimentat fil-postjiet tax-xogħol l-oħra fejn ma hemmx ftehim kollettiv fis-seħħ.

 Hemm ħafna x’jista’ jsir.  Li hu ċert hi li, l-esperjenza u l-ħiliet tan-nies m’għandhomx jintilfu, iżda jridu jgħaddu lil ħaddiema żagħżagħ li jkunu qed jitrawmu fix-xogħol speċifiku. 

 Waħda mill-possibilitajiet hija li ħaddiema aktar anzjani jistgħu ikunu mentors jew trainers fuq il-post tax-xogħol.

 Hija x-xewqa tiegħi li l-Forum Nazzjonali tat-Trade Unions, iservi wkoll bħala l-qafas li permezz tagħkom t-trejd unjons Maltin, tiddiskutu liberalment il-prattika ta’ l-anzjanità attiva fid-diversi postijiet tax-xogħol fejn għandkom preżenza u impatt.

 Nawguralkom il-ħidma t-tajba.​