Diskors mill-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, waqt il-ftuħ tal-konferenza dwar Child and Adolescent Mental Health

Huwa ta’ pjaċir għalija li nkun magħkom għall-ftuħ ta’ din l-ewwel konferenza bit-tema ‘Child and Adolescent Mental Health’, organizzata mill-Assoċjazzjoni għal Child and Adolescent Mental Health.
 
Nieħu l-opportunità wkoll biex nirringrazzja lill-Assoċjazzjoni tal-ħin li tajtuni biex naqsam magħkom xi riflessjonijiet dwar dan il-qasam tant importanti, u li tant jeħtieġ viżibilità.
 
Konvinta wkoll li d-deliberazzjonijiet tagħkom, u l-qsim ta’ esperjenzi u informazzjoni tul din il-konferenza, se jkunu ta’ importanza kbira, mħux biss għalikom bħala practitioners, iżda wkoll għal aktar ġid tal-pazjenti tagħkom, tal-familji tagħhom, tal-komunitajiet fejn jgħixu, u s-soċjetà tagħna kollha kemm hi.
 
Hemm bżonn naħdmu ħafna aktar biex inwarrbu l-mistħija u l-istigma li għadhom ixekklu kull diskors dwar problemi ta’ saħħa mentali, u dan minkejja l-avvanzi li saru fis-settur.
 
Min-naħa l-oħra, nistaqsi: jekk aħna l-adulti għadna m’aħniex kapaċi nitkellmu b’mod miftuħ dwar dawn problemi ta’ saħħa mentali, kif qatt nistgħu nħeġġu biżżejjed lill-uliedna biex jiftħu qalbhom magħna?
 
F’pajjiżna ħadd ma jiddejjaq imur jara tabib jekk jikser siequ jew jaqbdu riħ, iżda mhux l-istess fejn jidħlu diffikultajiet mentali. Jinħtieġ li niżguraw li din l-attitudni tagħna fejn jidħlu s-saħħa u l-ġid tal-moħħ, tkun waħda ħielsa mill-biżgħat.
 
Jinħtieġ li nagħtu appoġġ u nkorraġġiment lit-tfal tagħna li rari jkunu jafu kif jitolbu l-għajnuna. Huwa d-dmir tagħna li noħolqu l-ispazji siguri u ħielsa fejn it-tfal tagħna jitkellmu, u aħna nisimgħuhom u nagħtu kashom.
 
Minn konsultazzjoni wiesgħa li l-Fondazzjoni tiegħi għall-Ġid tas-Soċjetà għamlet ma’ mijiet ta’ tfal minn kull rokna ta’ dawn il-gżejjer, irriżulta li n-nuqqas ta’ spazji miftuħa, u nuqqas ta’ siġar, huwa ta’ dannu kbir għas-saħħa mentali u fiżika tagħom.
 
Kienet propju din ix-xewqa espressa mit-tfal li waslitni biex niftaħ il-ġnien privat tal-Palazz ta’ Sant’ Anton għall-użu bħala spazju għat-tagħlim u r-rikrejazzjoni. Dan il-proġett, li tajnih l-isem ta’ l-Ġnien Sigriet tal-President, għadu kemm daħal fit-tieni sena tiegħu.
 
Ħejjejna wkoll manwal bid-dettalji tal-prinċipji li nebbħuna u l-metodoloġija użata biex dan il-proġett ikun jista’ jiġi replikat bnadijiet oħra. Ħadna b’interess kbir u tajna importanza l-perspettiva tat-tfal f’dan kollu.
 
It-tfal kollha jinħtieġu lil min jismagħhom, jinħtieġu r-rispett u jinħtieġu l-imħabba.
 
L-istrateġiji tagħna għandhom ikunu mnebbħa mid-dinjità li jixraq li nagħtu lit-tfal u li għandhom dritt għaliha, u s-sehem tagħhom hemm bżonn li jkun rispettat.
 
Hawnhekk għalhekk li rridu nrrispettaw il-perspettiva u l-parteċipazzjoni tat-tfal b’mod effettiv.
It-tfal għandhom ħafna x’jgħidu dwar l-esperjenzi tagħhom u meta nistiednu u noħolqu opportunitajiet fejn it-tfal jitkellmu, nistgħu nitgħallmu ħafna dwar dawk l-esperjenzi li jaffettwaw is-saħħa mentali tagħhom. Hemm bżonn li napprezzaw dan il-kontribut tat-tfal, nagħtuh il-valur li jistħoqqlu u jekk nagħmlu dan inkunu qed nagħmlu differenza kbira għall-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ għada.
 
L-importanza tal-parteċipazzjoni tat-tfal dehret sewwa fil-Konferenza Nazzjonali dwar il-Ġid tat-Tfal is-sena l-oħra, li ġiet organizata mill-Fondazzjoni tiegħi għal-Ġid tas-Soċjetà. Il-konferenza ħarset lejn l-effetti tal-bullying fuq l-esperjenzi mentali, soċjali u edukattivi tat-tfal. Kienu t-tfal stess li ġew mistiedna jaqsmu l-istejjer tagħhom, u jidħlu fi djalolgu mal-practitioners fis-settur edukattiv u setturi oħra. Esperti internazzjonali tkellmu dwar ir-riċerka tagħhom u offrew rakkomndazzjonijiet prattiċi lid-diversi professjonisti li jaħdmu direttament mat-tfal.
 
Dawn huma t-tip ta’ inizjattivi li hemm bżonn inrawmu u ninkoraġġixxu jekk irridu nindirizzaw bis-serjetà l-istatistika inkwetanti li rrapporta l-Professur Carmel Cefai, li terz tal-istudenti f’pajjiżna huma vittmi ta’ bullying.
 
Is-saħħa mentali, sostenibbli u dejjiema, ta’ uliedna ma tistax tinbet f’ambjent ta’ vjolenza u ansjetà.
Huwa d-dmir tagħna bħala ġenituri, edukaturi, professjonsti u speċjalisti, li nagħtu lit-tfal tagħna l-ispazju li għandhom bżonn biex ixettlu s-saħħa emozzjonali tagħhom permezz ta’ ħiliet soċjali bażiċi. Jinħtieġ li ntuhom l-għodda biex jibnu pedament sod għall-ġejjieni tagħhom, ħalli jkunu resilient.
 
Ma rridux niddejqu nistaqsu jekk jinħtiegx li jsir iżjed biex titnaqqas il-livell ta’ tensjoni mis-sistema edukattiva li qed toħloq lit-tfal.
 
Jinħtieġ li mill-kliem ngħaddu għal fatti, għaliex wisq nibża’ li, minkejja li sar, u qed isiru bidliet importanti, għadna l-bogħod minn dak li hu l-aħjar.
 
Nemmen li s-sistema edukattiva tagħna m’għandiex tibqa’ marbuta iżżejjed mal-ħiliet akkademiċi biss, iżda jinħtieġ li nwessgħu ħafna aktar is-sistema biex tkopri l-iżvilupp personali u soċjali tat-tfal tagħna.
 
B’hekk inkunu qed nassiguraw li qed ngħinu lit-tfal u l-ġenerazzjonijiet futuri biex ikunu resilientquddiem l-isfidi tal-ħajja.
 
Fl-aħħar mill-aħħar irridu nkunu aħna li nagħtu bidu għal dik il-bidla li nixtiequ naraw f’ħaddieħor. Jekk it-tfal jaraw lill-ġenituri, lill-qraba tagħhom u lill-adulti li huma mdawrin bihom jgħixu flimkien f’relazzjonijiet ta’ rispett u armonija, dan diġà ikollu effett enormi għall-ġid tat-tfal.
 
Nawguralkom il-ħidma t-tajba fid-diskussjoni tagħkom, u nittama li taqsmu bejnietkom u magħna s-sejbiet tagħkom, u tkomplu timirħu fir-riċerka għall-ġid tat-tfal kollha tal-Gżejjer Maltin, u lil hinn.
 
Grazzi.