Diskors mill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca waqt il-ftuħ tal-konferenza ‘Towards a Truly Accessible University Inclusion Is All About Decision-Making’ organizzata mir-Rettorat tal-Università, flimkien mal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà

Diskors mill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca waqt il-ftuħ tal-konferenza ‘Towards a Truly Accessible University Inclusion Is All About Decision-Making’ organizzata mir-Rettorat tal-Università, flimkien mal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà

 

Insellmilkom,

 

Nixtieq nieħu din l-opportunità biex nifraħ lir-Rettur, il-Prof. Alfred Vella, lill-“Pro Rector for Students services and outreach”, Dr Carmen Sammut u lill-Faculty for Social Wellbeing ta’ din l-inizjattiva tant sabiħa, fejn qed iġġibu flimkien studenti, akkademiċi u esperti, organizzazzjonijiet tal-ġenituri u policy makers f’sessjoni ta’ diskussjoni dwar kif se nassiguraw li l-Università ta’ Malta tkun waħda tassew inklussiva għax aċċessibbli għal kulħadd.

 

Din l-inizjattiva hija tassew aħbar tajba. Dan għaliex qed nikkunsidra din il-konferenza bħala l-ewwel pass biex l-edukazzjoni  post-sekondarja u terzjarja f’pajjizna issir verament aktar aċċessibbli, ekwa u  inklussiva.

 

Mill-esperjenza tiegħi f’diskussjonijiet ma’ ġenituri b’ulied bl-learning disabilities jew difficulties nafu li dawn l-istudenti huma f’riskju akbar minn oħrajn, li jintilfu fis-sistema, meta jaslu għall-edukazzjoni terzjarja minkejja il-potenzjal kbir, li jkollhom u għandhom, biex jirnexxu.

 

B’sodisfazzjon ninnota li  din l-inizjattiva turi li l-Università ta’ Malta għandha r-rieda li tisma’ l-ilħna ta’ dawk imġarrba, li ħafna drabi, jibqgħu siekta.

 

Huwa importanti li l-prinċipji u l-policies li jassiguraw edukazzjoni inklussiva m’għandhomx jintemmu mat-tmiem il-ħajja edukattiva fil-livell sekondarju iżda għandhom jiġu assigurati anke fil-livell post-sekondarju u terzjarju.

 

Ikoll nafu li meta nitkellmu dwar learning disabilities qed nirreferu għal tipi differenti ta’ kundizzjonijiet.

 

Huwa propju minn dan il-punt li rridu nibdew; irridu ngħarfu li hemm  tipi diversi ta’ learning disabilities u  dawn jinfluwenzaw b’ mod differenti l-kapaċitajiet tal-istudenti fil-proċess tal-edukazzjoni tagħhom.

 

Għaldaqstant dan ifisser ukoll li t-taħriġ edukattiv, sa minn ċkunithom, irid jirrifletti u jippromwovi l-ħiliet individwali tal-istudenti.

 

Mill-esperjenza tiegħi f’diskussjonijiet mal-ġenituri b’ulied affettwati, ir-realtà qed turina, li dawn ż-żgħażagħ jagħmlu ħafna sagriffiċji u sforzi biex ikunu jistgħu jkomplu jistudjaw.

 

Sfortunatament, jekk nibqgħu ma nagħmlu xejn,  dawn is-sagriffiċji u dawn l-isforzi ta’ dawn iż-żgħażagħ jisfaxxaw fix-xejn.

 

Jekk nibqgħu ma nagħmlu xejn mhux se jkunu biss dawn iz-żgħażagħ li jmorru minn taħt, iżda ukoll, jitilfu l-familji tagħna, il-kommunitajiet tagħna u pajjiżna, u nkunu tlifna l-potenzjal li nikbru flimkmien ilkoll bħala poplu.

 

L-esperjenza tiegħi ma’ laqqatniex biss ma ġenituri, iżda b’sodisfazzjon ninnota li, f’dawn l-aħħar snin, grupp ta’ żgħażagħ bid-dyslexia ħadu l-inizjattiva biex flimkien jingħaqdu ħalli jkabbru l-għarfien fuq id-dyslexia u jgħinu lil ħaddieħor.

 

Irrid nifraħ lil membri tad-Dyslexic Teens Dialogue u lill-ġenituri tagħhom li għandhom il-kuraġġ li jaħdmu kontra mentalità u kultura li għal għexieren ta’ snin iddominat is-settur.

 

Mill-laqgħat li kellna fix-xhur li għaddew, il-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà u jien, flimkien mal-NGOs li jaħdmu fis-settur tal-learning disabilities, ħareġ ċar li għalkemm fil-livell primarju u sekondarju qed ikomplu jiżdiedu s-servizzi offruti li l-istudenti li jbatu b’dawn id-diffikultajiet, żgur li ma nistgħux ngħidu l-istess  għall-livell post-sekondarju u terzjarju.

 

Għaldaqstant jeħtieġ li bla dewmien jiġu introdotti aktar miżuri biex  inħarsu l-ġid u l-edukazzjoni kompleta ta’ dawn l-istudenti, li huma ż-żgħażagħ tagħna.

 

Jien għandi fiduċja li dan fl-aħħar se jseħħ għaliex ftit tax-xhur ilu waqt laqgħa li kelli mar-rettur tal-Università ta’ Malta, il-professur Alfred Vella u l-Ministru tal-Edukazzjoni, deher ċar li hemm kemm rieda akkademika kif ukoll rieda politika li dawn iż-żgħażagħ jingħataw l-opportunitajiet kollha għall-futur tagħhom.

 

Irridu nkunu kuraġġużi u nitilqu minn normi li ddominaw is-sistema edukattiva tagħna għal għexieren ta’ snin, patikolarment fil-livell post-sekondarju u terzjarju, billi ngħarfu li s-sistema ta’ one-size-fits-all ma taħdimx għal kulħadd.

 

Jekk se nibqgħu ninsistu li l-bieb tal-università jkun miftuħ biss għal dawk li joqgħodu f’din il-kaxxa, inkunu qegħdin nassiguraw li pajjiżna jitlef il-kontribut siewi ta’ persentaġġ mhux żgħir ta’ żgħażagħ b’potenzjal kbir.

 

Għandu jkun fl-interess tal-Università ta’ Malta li tassigura li kull student u studenta mmotivati f’pajjiżna jkollhom l-opportunità biex jeżerċitaw id-dritt fundamentali tagħħom; dak tal-aċċess għall-edukazzjoni.

 

Huwa fl-interess tal-Università ta’ Malta li tħares id-dinjità ta’ kull persuna.

 

Huwa fl-interess tal-Università ta’ Malta ukoll f’pajjiż demokratiku bħal tagħna, li taħdem għat-tisħiħ ta’ soċjetà mibnija fuq l-ekwità, l-ugwaljanza u l-inklużjoni.

 

Għalhekk nemmen li huwa id-dmir u d-dover tal-awtoritajiet kollha ta’ l-Università ta’ Malta li jirrispettaw u jaħdmu biex l-istudenti b’ learning disbailities jingħataw l-appoġġ meħtieġ.

 

Jiena konvinta li hemm modi ta’ kif inżommu l-ogħla livell akkademiku fl-Università ta’ Malta, filwaqt li nassiguraw l-ekwità.

 

L-appell tiegħi jmur ukoll għall-ġenituri kollha ta’ dawn iż-żgħażagħ biex jemmnu f’uliedhom u jkunu ta’ inkoraġġiment biex jaslu. Għaliex mhux biżżejjed li ntejbu s-sistema edukattiva, iżda jridu wkoll ikunu l-ġenituri li jkomplu jagħtu s-sostenn tagħhom lil uliedhom.

 

Nemmen bis-sħiħ fl-importanza li naħdmu flimkien.

 

Kulħadd jeħtieġ li jiġbed ħabel wieħed biex nassiguraw li l-istudenti b’learning disabilities dejjem isibu l-inkoraġġiment meħtieġ u lil min jimbuttahom ‘il quddiem.

 

Nixtieq nispiċċa fuq l-istess nota li bdejt biha, billi nerġa’ nifraħ lill-organizzaturi kollha ta’ din il-konferenza, għax-xogħol siewi li għamiltu biex ġibtu lil kulħadd flimkien fuq suġġett ta’ importanza nazzjonali.

 

Il-konferenza tal-lum għandha tagħtina tama. Nemmen li hemm rieda tajba mill-awtoritajiet tal-Università ta’ Malta. Nemmen li l-Universita’ qed taħdem biex tinqata’ minn normi u prattiċi antiki biex tissaħħaħ u tiġġedded ħalli tkun tassew relevanti għal-lum.

 

Din il-konferenza turina wkoll kemm l-Università ta’ Malta lesta li tisma’ u tkun aġent ta’ bidla u xempju ta’ inklużjoni.

 

Għandi t-tama li din il-konferenza hija l-ewwel fost inizjattivi oħra li jġegħluna naħsbu u nirrifletu aktar fuq dan il-qasam, iżda ukoll biex naslu għal deċiżjonijiet konkreti ħalli l-istudenti Maltin u Għawdxin b’ learning disabilities ikollhom aċċess effettiv għas-sistema kollha edukattiva f’pajjiżna.

 

Grazzi.