Ministru Michael Falzon
Segretarju Parlamentari Roderick Galdes
Uffiċjali tal-Ministeru
Mistiedna distinti
Għeżież ħbieb,
Inħossni onorata li ġejt mistiedna għal din il-konferenza nazzjonali, li se tiffoka fuq l-irwol importanti tal-familja fi ħdan is-soċjetà Maltija kontemporanja.
Irid nibda billi nawgura lill-Ministru Dr. Michael Falzon u t-tim tiegħu, li qed jorganizzaw din il-konferenza ta’ llum, biex tagħti l-vizibilita’ meħtieġa lil dan il-qasam, tant importanti, fis-settur socjali ta’ pajjiżna.
Huwa ta’ sodisfazzjon għalija li din il-konferenza qed tinkludi il-parteċipazzjoni ta’ professjonisti, akkademiċi, u lil dawk involuti fit-tfassil tal-politika, u li gejjin minn oqsma differenti tas-soċjetà Maltija.
Jiena nemmen li il-“wellbeing” tal-familji tagħna għandu jkun ċentrali għax-xogħol li dejjem jinħtieġ li nagħmlu għal-ġid tas-soċjeta’ li nghixu fiha.
Irrid nistqarr li hija ta’ ispirazzjoni għalijja, li nara lil kulħadd f’din il-kamra magħqud għall-għan wieħed, jigifieri, dak li nkomplu nsaħħu, . nkomplu nagħtu s-support, u …. nkomplu nagħtu l-“empowerment” meħtieġ, lill-familji diversi li jqisu lill-Gżejjer Maltin bħala id-dar tagħhom.
Mingħajr dubju, il-familja hija l-istituzzjoni l-aktar fundamentali fi ħdan is-soċjetà Maltija.
Fil-fatt, il-familji huma l-pedament li fuqu jista’ jinbena l-ambjent addattat biex niksbu il-ġid soċjali. Il-familji huma kruċjali għall-iżvilupp san tal-komunitajiet tagħna, u ta’ pajjiżna inġenerali.
Bħal kull istituzzjoni ħajja, il-kunċett tal-familja evolva matul iż-żmien, u bla dubju, ser ikompli jevolvi.
Fid-dinja tal-lum, huwa importanti li nagħrfu li l-kunċett tal-familja irid ikun wieħed aktar inklussiv u is-soċjeta’ trid tkun aktar miftuħa u kapaċi li tiċċelebra d-diversità shiha tas-soċjetà kontemporanja li qegħdin ngħixu fiha.
Madanakollu, rridu nirrikonoxxu li, filwaqt li mxejna ħafna ‘l quddiem f’dak li għandu x’jaqsam mal-leġiżlazzjoni, irridu nistinkaw aktar biex nassiguraw li l-liġijiet tagħna jiġu tassew tradotti f’bidliet effettivi li jgħinu l-iżvillupp kulturali tagħna.
Ma’ rridux inkunu kuntenti b’dak li akkwistajna sa’ llum, iżda rridu nkunu kuraġġjużi u nibqgħu nevalwaw u nanalizzaw, regolarment, kif il-liġijiet u l-politika li qed inħaddmu qed jaffettwaw il-familji u l-komunitajiet, fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.
Dan għaliex ix-xogħol ta’ evalwazzjoni u analiżi dwar l-iżvilupp tal-familja għandu jkun proċess kontinwu, biex nkunu nistgħu nassiguraw li kull familja tingħata d-dinjità, r-rispett, u l-appoġġ li jistħoqqilha f’kull żmien.
L-esperjenza personali tiegħi, kemm bħala Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali, kif ukoll fir-rwol attwali ta’ President ta’ Malta, urietni kemm il-relazzjonijiet pożittivi fi ħdan il-familji huma importanti, sabiex ikun iddeterminat il-ġid soċjali tal-komunitajiet u s-soċjetà tagħna, in generali.
Barra minn hekk, smajt ukoll rakkonti ta’ individwi u familji, li urewni kemm jinħtieġ naħdmu aktar, biex inbiddlu l-mentalita’, ħalli nindirrizaw il-preġudizzji u l-inġustizzji, u nbidluhom f’ mentalita’ ta rispett u dinjita’.
Sfortunatament, smajt mingħand ġenituri li ma jridux lil uliedhom jilgħabu u jagħmluha ma’ tfal li ġejjin min familji b’ġenituri tal-istess ġeneru.
Sfortunatament, smajt mingħand ġenituri li qed jgħixu fir-riskju tal-faqar u l-prekarjat, li mhux qed ikunu kapaċi jagħtu l-aħjar ħajja lil uliedhom.
Sfortunatament, smajt mingħand familji ta’ immigranti u refuġjati, li mhux qed ikunu milqugħa jew ittrattati b’rispett, fi ħdan il-komunitajiet li qed jghixu fihom.
Sfortunatament, smajt mingħand familji b’ġenitur wieħed, li għadhom qed ibatu minn diskriminazzjoni u stigma.
Bla dubju ta’ xejn, ma nistgħux nippermettu li dawn il-familji jħossuhom “anqas minn” familji oħra, għaliex m’humiex mibnija fuq il-mudell tradizzjonali.
It-tipi diversi ta’ familji għandhom kollha jkunu ċċelebrati, protetti, u kkurati, kemm mill-awtoritajiet pubbliċi iżda wkoll, aktar importanti, mill-poplu tal-Gżejjer tagħna.
Jinħtieġ li nżommu quddiem għajnejna li l-familja, hi min hi, u hi minn fejn hi, hija entità vulnerabbli, u jistħoqqilha tkun protetta mis-socjeta’, sabiex tkun tista tiżvillupa b’mod b’saħħtu.
L-appogg lill-familji, fid-diversita’ kollha tagħhom, għandu jkun r-responsabbiltà ta’ kull wieħed u waħda minna, ….. jekk irridu tassew ngħixu f’kommunitajiet u f’soċjeta’ inklussivi u rispettużi.
Xtaqt nieħu eżempju ta’ sfida kontemporanja, li qed naffaċjaw, u li tista’ tkun ta xkiel lil familji milli jiżviluppaw relazzjonijiet b’saħħithom.
L-użu tat-teknoloġija diġitali ….. l-użu tat-teknoloġija diġitali qed ibiddel il-mod kif il-persuni jikkomunikaw, mhux biss fi ħdan il-familji tagħna iżda wkoll fis-soċjetà in generali.
Il-metodi diġitali tal-komunikazzjoni jistgħu jgħinu biex itejbu r-relazzjonijiet familjari, billi jżommu persuni f’kuntatt, iżda jistgħu jkunu wkoll mezz ta’ firda, jekk il-persuni jinqatgħu f’dinja għaliehom, billi jużaw il-“mobiles” u t-“tablets” aktar milli jitkellmu ma’ ħaddieħor.
Dan is-suġġett importanti ser ikun is-suġġett ewlieni waqt seminar li ser isir f’Jum il-Familja, imtella’ miċ-Ċentru Nazzjonali għar-Riċerka fuq il-Familja u ċ-Ċentru Nazzjonali għall-Ħelsien mill-Vizzji, fi ħdan il-Fondazzjoni tiegħi għall-Gid tas-Soċjetà.
Il-kelliem ewlieni, il-Professur Francesco Belletti, huwa awtorità fuq skala mondjali fuq il-mezzi diġitali u l-effetti tagħhom fuq il-familja.
Is-seminar, bl-isem “Digital Networks and Family Relationships”, ser jipprovdi spazju ieħor għall-professjonisti u għall-familji, sabiex jindirizzaw aħjar it-tħassib tagħhom dwar l-effett tat-teknoloġiji moderni.
Nemmen li hu importanti, li niddiskutu u nagħrblu, regolarment, il- mod ta’ kif qed tinbidel il-familja moderna, għaliex bid-diskussjoni, u bil-qsim tal-idejat, nistgħu niżviluppaw l-għaqda tant meħtieġa bejn il-ġenerazzjonijiet u fi ħdan il-familji tagħna.
Irridu nammetu li l-għarfien, l-esperjenzi, u l-valuri tal-ġenerazzjonijiet ta’ qabilna huma parti essenzjali mill-identità Maltija tagħna, u għalhekk għandna nkomplu ngħożżu l-kontribut li-tawna, bħala kontribuzzjoni importanti fit-tisħiħ tal-familja.
Skont indikaturi minn sorsi varji, inkluż il-Fondazzjoni ghas-sahha mentali bbażata fir-Renju Unit, persuni li ghandhom rabta qawwija fil-familji huma; “aktar kuntenti, aktar b’saħħithom fiżikament, u jgħixu aktar fit-tul, b’anqas problemi ta’ saħħa mentali minn persuni li huma anqas viċini ta’ xulxin.”
Irrid nieħu din l-opportunità biex nkompli inħeġġeġ lil kullħadd, fil-kapaċitajiet varji tagħna, sabiex nagħtu prijorità lit-tisħiħ tal-familja, sabiex ikollna r-reżiljenza meħtieġa, u nkunu f’qagħda li niegħlbu l-isfidi tal-lum u tal-ġejjieni aħjar.
Irrid nenfasiżża ukoll li familja b’saħħitha u l-ġid soċjali huma intrinsikament marbutin flimkien.
Ghaldaqstant, inħeġġiġkom biex tagħmlu minn din il-konferneza opportunita’ ta’ żvillup ta’ idejat innovativi, u ta’ deċżżjonijiet għall-azzjonijiet effettivi, ħalli l-politika soċjali f’pajjizna tkun msejsa fuq l-appoħħ prattiku, li jinħtieġ nagħtu lill-familji fil-gżejjer tagħna.
B’dan il-mod, inkunu qed nassiguraw l-izvillup tal-familji kollha, fid-diversità sħiħa tagħhom.
Familji b’saħħtihom joħolqu kommunitajiet aktar b’saħħithom ,… u … soċjetà li tkun tista tgħix fil-paċi u fil-prosperità.