Diskors mill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca waqt l-għeluq tal-konferenza dwar id-dijabete, organizzata mill-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà

Diskors mill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca waqt l-għeluq tal-konferenza dwar id-dijabete, organizzata mill-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà

 

Sinjuri,

Għeżież ħbieb,

 

Insellmilkom.

 

Il-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà qed torganizza din il-konferenza dwar id-dijabete fl-okkażjoni tal-Jum Dinji kontra d-Dijabete, ikkommemorat fl-14 ta’ Novembru, bil-għajnuna ta’ Narrative Structures, l-MEP Therese Comodini Cachia u tal-Ambaxxata Franċiża f’Malta, bil-għan li ngħinu fit-tkabbir tal-kuxjenza u fl-informazzjoni dwar din il-kundizzjoni.

 

Skont rapport riċenti ppubblikati mill-Federazzjoni Internazzjonali dwar id-Dijabete (IDF),  din il-kundizzjoni qed taffettwa 8.5% tal-populazzjoni adulta Ewropea u mistennija tkompli tiżdied fis-snin li ġejjin. Dan ir-rapport ikompli juri li f’Malta għandna 10% tal-populazzjoni adulta li tbati minn din il-kundizzjoni.

 

L-istatistika internazzjonali tindika li n-numri ser ikomplu jikbru, u sas-sena 2030, id-dijabete se tkun waħda mill-kawżiet ewlenin tal-imwiet.

 

Għaldaqstant jibqa’ meħtieġ li jitkompla x-xogħol li ilu jsir biex insaħħu l-għarfien dwar il-kundizzjoni tad-dijabete, dwar il-prevenzjoni, fejn din tista’ tkun, u l-management tagħha.

 

It-tema magħżula għal din is-sena fl-okkażjoni tal-Jum Dinji kontra d-Dijabete hija Eyes on Diabetes, bl-iskop li jingħata focus dwar l-importanza tal-iscreening sabiex niżguraw dijanjosi bikrija tad-dijabete Type 2 u t-trattament f’waqtu sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ kumplikazzjonijiet serji; liema kumplikazzjonijiet jistgħu jaffettwaw l-għajnejn, il-kliewi, il-qalb, it-tqala u ċ-ċirkulazzjoni.

 

Jidher ċar kemm huwa importanti li nieħdu l-passi meħtieġa biex jekk nistgħu, nevitaw, u jekk le, nikkontrollaw din il-kundizzjoni li taffettwa b’mod mill-iktar ħażin lill-persuni li jgħixu biha, kif ukoll lill-familji tagħhom.

 

Minkejja t-tbatija li ġġib magħha din il-kundizzjoni, id-dijabete tista’ tiġi kkontrollata, jekk il-persuna jkollha l-informazzjoni u s-support meħtieġ.

 

Jien inħossni kburija li minkejja ċ-ċokon ta’ pajjiżna, ilna nipprovdu l-kura kollha u l-għarfien meħtieġ biex inkunu ta’ appoġġ.

 

L-iżviluppi ta’ dan l-aħħar, permezz tal-introduzzjoni tat-tielet Att tal-2016, jistabilixxu u jassiguraw ħidma interministerjali fuq diversi livelli u aspetti.

 

Kambjament ieħor importanti fil-kura ta’ din il-kundizzjoni huwa bla dubju l-introduzzjoni ta’ żewġ mediċini ġodda, u li qed jingħataw b’xejn lil kull min jeħtieġ.

 

Dawn il-miżuri pożittivi se jkomplu jsaħħu u jassiguraw trattament u mmaniġġjar tal-kundizzjoni b’mod ħolistiku.

 

Statistika oħra riċenti li tista’ tirrifletti r-riskju tad-dijabete hija dwar l-obeżità. L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa għadha kif uriet li Malta għandha l-ogħla livell ta’ obeżità fl-Ewropa.

 

Nafu li l-obeżità tista’ tkun fattur ta’ riskju li jikkontribwixxi għad-dijabete. Huwa għalhekk li għandna niżguraw li kulħadd ikollu aċċess effettiv għall-ikel bnin. Sfortunatament, għad għandna membri tas-soċjetà tagħna u familji Maltin li m’għandhomx il-mezzi finanzjarji biżżejjed biex jieklu ikel bnin. Wieħed jittama li din il-kwistjoni ta’ importanza tkun indirizzata fl-iqsar żmien possibbli.

 

Filwaqt li rrid ninnota b’sodisfazzjon id-diversi inizjattivi li qed jittieħdu sabiex inħeġġu aktar u aktar nies biex l-attività fiżika tkun parti minn ħajjithom, jinħtieġ ukoll nassiguraw li jkollna spazji miftuħa biżżejjed biex kulħadd jitħajjar ikun aktar attiv.  Irrid nieħu l-opportunità biex nenfasizza l-ħtieġa li l-għarfien dwar din il-kundizzjoni jingħata miċ-ċokon, u dan għaliex, it-tfal li jbatu minn din il-kundizzjoni jeħtieġu aktar support, anke minn sħabhom fl-iskejjel. Fl-aħħar nett nappella u nħeġġeg lill-awtoritajiet biex ikomplu jiżviluppaw strateġiji u jimplimentaw pjanijiet ta’ azzjoni kontra d-dijabete u favur is-saħħa tal-persuna, tal-komunitajiet tagħna u s-soċjetà Maltija inġenerali.  Nappella u nħeġġeġ lill-Maltin u lill-Għawdxin biex iżommu ruħhom infurmati u biex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jgħixu aħjar.