Diskors mill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca waqt it-Tnedija tal-Pubblikazzjoni ‘Exploring drug driving legislation in Malta in the context of the European landscape’ miċ-Ċentru Nazzjonalig għall-Ħelsien mill-Vizzji

Onorevoli Ministri,
Onorevoli Membri Parlamentari,
Membri tal-Ġudikatura,
Sinjuri distinti,
 
Nagħtikom merħba u nilqagħkom għat-tnedija tat-tieni pubblikazzjoni taċ-Ċentru Nazzjonali għall-Ħelsien mill-Vizzji ­- ‘Exploring drug driving legislation in Malta in the context of the European landscape’.
 
Irrid nagħti ħajr liċ-Chairperson taċ-Ċentru, Dr Anna Vella, u lill-membri kollha taċ-Ċentru għall-Ħelsien mill-Vizzji, fi ħdan il-Fondazzjoni tiegħi, għax-xogħol kbir, interessanti u innovattiv li qed jagħmlu.
 
Dan il-qasam partikolari ta’ riċerka li qed ikun ippublikat, huwa wieħed ġdid, u li għad irid isib postu fid-dibattitu nazzjonali dwar il-leġiżlazzjoni li tirregola d-droga.
 
Fuq livell nazzjonali, Malta għamlet passi ta’ ġgant fejn tidħol policy, leġiżlazzjoni u servizzi relatati mal-użu ta’ sustanzi.
 
Bħala pajjiż ilna s-snin naħdmu bla heda għall-ġid ta’ dawk li jagħmlu użu mid-droga, kemm dik permessa kif ukoll dik illeċta.
 
Iżda jidhrilna li wasal iż-żmien li d-dibattitu fuq dan is-suġġett jinfetaħ għal diskussjoni fuq materji relevanti aktar wiesgħa. Wasal iż-żmien li nikkunsidraw perspettivi oħra ta’ kif l-użu tad-droga jista’ jkollu impatt negattiv fuq il-persuni u fuq il-ġid tas-soċjetà tagħna kollha kemm hi.
 
Bid-dħul fis-seħħ tal-Att dwar Dipendenza fuq id-Droga (Trattament mhux Priġunerija) tal-2014, sar pass kbir ’il quddiem għaliex il-pussess ta’ drogi pprojbiti għall-użu personali, ma baqax jitqies bi ħtija quddiem qorti kriminali. Għalkemm il-pussess ta’ drogi pprojbiti għall-użu personali, jibqa’ illegali, m’għadux jitqies bħala reat kriminali.
 
Min-naħa l-oħra, dan l-iżvilupp legali importanti llum iqajjem ċerti mistoqsijiet, fosthom jekk huwiex possibbli li wieħed isuq b’mod responsabbli meta jkun taħt l-influwenza tad-drogi.
Jekk iva, x’inhu l-limitu li jista’ jkun tollerat, u kif jista’ dan il-limitu jitkejjel u jkun infurzat?
 
X’sanzjonijiet, jekk dawn jeżistu, għandhom ikunu applikabbli?
 
Il-policy u l-liġi ta’ Malta kif inhi bħalissa, jindirizzaw b’mod ċar dawn id-domandi?
 
U jekk le, x’jista’ jsir biex is-sitwazzjoni tirranġa?
 
F’Diċembru li għadda, iċ-Ċentru Nazzjonali għall-Ħelsien mill-Vizzji organizza diskussjoni għall-professjonisti li jaħdmu f’dawn l-oqsma, bil-għan li jinbeda dibattitu fid-diversi dixxiplini, dwar is-sewqan taħt l-influwenza tad-drogi f’Malta.
 
Uħud mill-professjonisti li ħadu sehem dakinhar jinsabu hawnhekk ukoll illum, u nixtieq nieħu din l-opportunità biex nirringrazzjahom għall-kontribut mill-aktar siewi tagħhom, li kien ta’ utilità kbira għar-riċerkaturi tagħna fit-tħejjija ta’ dan ir-rapport.
 
Dan l-istudju jħares ukoll lejn l-esperjenzi ta’ stati oħra fl-Unjoni Ewropeja, u dan sabiex jgħin biex nindirizzaw din il-problema f’Malta.
 
Huwa importanti li naqsmu l-esperjenzi ma’ dawn il-pajjiżi biex inkunu f’qagħda aħjar li napplikaw il-prattiċi tajba li żviluppaw huma għall-kuntest tagħna u naddattawhom b’mod li jaħdmu f’armonija mal-inizjattivi nazzjonli li diġà jeżistu f’pajjiżna.
 
Jinħtieġ nibnu fuq dak li diġà nafu li jaħdem.
 
Jinħtieg nkunu qalbiena u jkollna l-kuraġġ nirrevedu dak li ma jaħdimx.
 
Jinħtieġ naħdmu biex nindirizzaw dawk in-nuqqasijiet li jħallu impatt negattiv qawwi fuq il-ħajja ta’ individwi u fuq is-soċjetà tagħna in ġenerali.
 
Dan kollu jorbot mal-isforz globali li d-dinja trid tagħmel biex jintlaħqu l-Miri ta’ Żvilupp Sostenibbli sal-2030. Mira numru 3 maqbula mill-Ġnus Magħquda tinsisti li niżguraw is-saħħa u nippromwovu l-ġid ta’ kull individwu, ta’ kull età.
 
Dawn l-għanijiet, li huma responsabilità tagħna flimkien, jistgħu jintlaħqu biss, jekk ningħaqdu lkoll flimkien, bħalma qed nagħmlu llum, biex inkomplu nitgħallmu minn xulxin fi spazji li jagħtu lok għal qsim ta’ ideat u prattiċi li jgħinuna niżvillupaw flimkien.
 
Huwa propju dan wieħed mill-għanijiet tal-Fondazzjoni tiegħi għall-Ġid tas-Soċjetà, dak li noħolqu dawn l-ispazji fejn l-għarfien u l-informazzjoni dwar il-promozzjoni tal-ġid tas-soċjetà jista’ jinqasam ma’ kullħadd.
 
Għalhekk, inħeġġiġkom ilkoll biex tagħmlu użu minn dan l-ispazju llum, u biex taħdmu għal żviluppi tanġibbli f’dan il-qasam skond l-ispeċjalizzazzjoni rispettiva tagħkom.
 
Sadanittant, huwa importanti li ma nħallux din id-diskussjoni tal-lum tieqaf magħna hawnhekk, iżda għal kull wieħed u waħda minna, għandha tkun il-bidu ta’ aktar diskussjoni ma’ oħrajn u mezz għall-aktar azzjonijiet pożittivi fis-settur.
 
Għalhekk, jinħtieġ li nkomplu mmexxu din l-inizjattiva ’l quddiem għas-saħħa, id-dinjità u l-ġid ta’ kull wieħed u waħda minna f’dan il-pajjiż.
 
Infakkar li kull persuna għandha d-dritt fundamentali li tgħix b’dinjità, fit-tgawdija tas-saħħa u l-ġid, fid-dar, fil-familja u fil-komunità.
 
Ejjew għalhekk naħdmu flimkien biex nilħqu dawn l-għanijiet li lkoll ngħożżu bil-kbir. Grazzi.