Diskors mill-President ta’Malta Marie-Louise Coleiro Preca, waqt il-ftuh tal-Konvenzjoni għal-Maltin li jgħixu barra. It-tnejn 20 ta’ April 2015

 Merħba!

It is with pleasure that I welcome you all to the Russian Chapel at San Anton Palace, for the opening of this year’s Convention for Maltese Living Abroad.

I extend a warm welcome to you as Maltese and Gozitans, who, in actual fact, live far from home, but still call Malta and Gozo your home and your country.

I wish you all a pleasant stay in Malta, and hope that your re-union with your families and loved ones, is especially meaningful, and that you will have the opportunity to re-establish the bonds between you.

I will now revert to our mother tongue, our beautiful language that identifies us as a nation, wherever we are in the world, and that I hope you still embrace our language and pass it on to your children.

Il-preżenza tagħkom hawn hija prova ċara ta’ kemm aħna l-Maltin irnexxhielna nimirħu lil hinn minn pajjiżna, u nilħqu l-aspirazzjonijiet tagħna, inkunu fejn inkunu.

Fil-fatt, il-Maltin u Għawdxin ħutna jinsabu f’kull rokna tad-dinja.

Jien konvint li din il-preżenza qawwija madwar id-dinja hija xi ħaġa li nistgħu nibnu fuqha, u li tista’ tiżviluppa aktar, għal ġid tal-komunità sħiħa Maltija, irrispettivament ta’ fejn tinsab. 

Wara kollox, bħala komunità waħda, aħna marbutin flimkien b’kultura u l-valuri komuni, u li għandha twassalna biex nikkontribwixxu għal ġid ta’ xulxin.

Minn meta ħadt il-ġurament ta’ President ta’ Malta, sostnejt li rrid, matul il-proċess tal-Presidenza tiegħi, naħseb fil-Maltin u l-Għawdxin ħutna, li huma mxerrdin mal-erbat irjieħ tad-dinja. 

Irrid insaħħaħ il-kuntatt magħhom. Irrid li flimkien inkabbru l-għarfien tagħkom l-ulied ta’ dan il-ġens. 

Irrid nurikom li għalija, intom parti minna.  Irrid ngħinkom biex tibqgħu tgħożżu l-identità Maltija.

Ix-xewqa tiegħi hija li kull minn minnkom jixtieq li jipparteċipa b’xi mod fil-ħajja ta’ pajjizna, isib l-opportunità li jagħmel dan fil-Presidenza.

Fil-Presidenza, waqqaft il-Fondazzjoni għall-Ġid tas-Soċjetà, li għandha l-għan li tagħmel riċerka relevanti, xierqa u f’waqtha, għaż-żminijiet soċjali tal-lum, u timpenja ruħha mas-soċjetà għall-promozzjoni tal-paċi u l-għaqda fost il-poplu tagħna, u kull min jinsab fostna.

Minbarra dan, il-Malta Community Chest Fund, fi ftit ġranet oħra, ukoll ser issir fondazzjoni, bil-għan li tkompli tqassam ‘il fuq minn 3.5 miljun ewro kull sena, biex tipprovdi appoġġ finanzjarju għall-kura ta’ nies Maltin li jkunu għaddejjin mill-marda kiefra tal-kanċer, jew mard terminali ieħor.

Din l-għajnuna tista’ tingħata biss permezz tal-ġenerożità tal-Maltin u l-Għawdxin kollha, jgħixu fejn jgħixu.

Jien ninkoraġġixxi lil kull minn jista’ joffri l-għajnuna tiegħu, kemm finanzjarja kif ukoll, b’kull mod ieħor, biex jagħmel dan minn qalbu.

Jien nemmen li, fid-dinja tal-lum, ħafna nies, inkluż iż-żgħażagħ, huma aktar motivati u għandhom sens ta’ parteċipazzjoni u entużjażmu kbir, biex jagħtu mill-ħin tagħhom, għall-ġid ta’ ħaddieħor.

Fl-aħħar, iżda mhux l-anqas, jiena kburija bil-fatt li jien il-President tal-Maltin u l-Għawdxin kollha, u għaldaqstant, il-President tagħkom ukoll.

Flimkien irridu niċċelebraw dak kollu li hu Malti, dak li jagħmilna poplu, ġens magħqud u li dejjem fittex il-paċi, lest li juri solidarjetà ma’ kull min ikollu bżonn, u fl-istess ħin, poplu ferrieħi u lest li jilqa’ lil kulħadd.

Nirringrazzjakom minn qalbi talli ġejtu u qed tipparteċipaw bis-sħiħ f’din il-konvenzjoni.

Nawguralkom suċċess f’din il-konferenza, u li tkompu d-djalogu li tibdew hawn għal ġid tal-Maltin u l-Għawdxin kolla.

Nawguralkom li tkomplu żżuru lil pajjiżkom kull meta tistgħu.  Dejjem ser issibu minn jilqgħakom.