Il-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, ippresediet it-tnedija ta’ dokumentarju informattiv, bl-isem ta’ “Dancing with Parkinson’s”, bi produzzjoni ta’ Step up for Parkinson’s, flimkien mar-rivista THINK u l-Università ta’ Malta.
Il-President irringrazzjat lis-Sinjura Natalie Muschamp, Chairperson ta’ Step up for Parkinson’s u lill-kollaboraturi tagħha, għall-inizjattiva li ħadu bil-produzzjoni ta’ dan id-dokumentarju, li jagħti sens ta’ empowerment, sens ta’ ħeġġa, u sens ta’ tama lil kull min jgħix bil-kundizzjoni tal-Parkinson’s.
“Fuq kollox din l-inizjattiva hija wkoll importanti, għax ser tkun qed teduka u żżid l-għarfien fuq din il-kundizzjoni, mhux biss fost dawk li jgħixu biha, iżda anke fost is-soċjetà in ġenerali,” sostniet il-President.
Hija qalet li meta aħna, bħala soċjetà nitgħallmu, nifhmu u ngħarfu d-diffikultajiet u l-isfidi li persuni jgħaddu minnhom, meta jgħixu b’kundizzjoni partikolari, nkunu qed insiru soċjetà li tagħti aktar kompassjoni, u soċjetà li tkun ferm aktar rispettuża, billi nirrispettaw, b’mod sħiħ, id-dinjità umana ta’ kull persuna.