Doskors mill-President ta’Malta waqt ċena statali ad unur l-Altezza Eminentissima tiegħu Fra’ Matthew Festing – 15 ta’April 2015 – il-Palazz il-Belt Valletta

L-Altezza Eminentissima tiegħu Fra’ Matthew Festing,
Eċċellenzi,
Sinjuri,
It is indeed an honour to welcome you, Your Most Eminent Highness, Prince and Grandmaster, Fra’ Matthew Festing, here in the City of Valletta, a city, which was built by your predecessor, Grand Master Jean Parisot de Valette, and which to this day bears his name.
I trust Your Most Eminent Highness’ stay amongst us will take you through an extraordinary journey of the legacy, which started 485 years ago, shaped by the Sovereign Order of Malta and the people of Malta through time.
To truly create the proper ambience, I will speak in the language of our forefathers; a language that has defined our nation, yet has not forfeited us the opportunities to communicate and to dialogue with peoples of the world.
Il-Belt kapitali ta’ Malta tibqa’ l-aktar wirt storiku importanti tal-Ordni Sovrana ta’ Malta, bil-knejjes mill-isbaħ, pjazzez, bereġ u palazzi, fosthom il-Palazz tal-Gran Mastru, fejn illejla nistgħu ngawdu l-wirt storiku artistiku u ta’ ħiliet u snajja’, li jagħmel dan il-Palazz daqshekk uniku.
Il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, bil-kapulavuri artistiċi kollha li jinsabu fi ħdan dan it-tempju mibni mill-Ordni Sovrana ta’ Malta, li huwa tant għażiż għalina u għal kull min iżuru, jixhed li l-Kavallieri kellhom aspirazzjonijiet kbar għall-gżiritna.
Għalkemm ir-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Ordni Sovrana ġew stabbiliti fl-1966, l-istorja komuni tmur lura mijiet ta’ snin.
Insemmi b’mod partikolari l-intenzjoni tal-Gvern biex jikkommemora, aktar tard din is-sena, l-450 sena anniversarju mill-Assedju l-Kbir, avveniment storiku li baqa’ u jibqa’ wieħed mill-akbar mumenti fl-istorja Mediterranja, Ewropea u tad-dinja ta’ dak iż-żmien.
Iż-żjara f’waqtha tiegħek fostna tkompli tissiġilla s-sekli ta’ storja, li torbotna flimkien, kif ukoll isservi bħala impetu, biex inkomplu nissiġġillaw il-koperazzjoni bejnietna għal ġid tal-umanità.
Nemmen li l-preżenza tiegħek hawn Malta, se twitti t-triq, għal kooperazzjoni aktar b’saħħitha u li se tgħaqqad  l-istorja mal-futur tagħna.
Minkejja l-mogħdija taż-żmien, iż-żewġ naħat bqajna nsostnu l-impenn tagħna biex nirrikonoxxu lil xulxin, bħala forza għall-paċi u ta’ assistenza soċjali umanitarja, kemm fir-reġjun tagħna u kemm fid-dinja in ġenerali.
Malta hija ħerqana biex tkompli taħdem mal-Ordni Sovrana ta’ Malta u li tfittex modi sabiex tissaħħaħ iktar il-kooperazzjoni f’oqsma soċjali b’mod speċjali fil-konfront ta’ dawk li huma fil-bżonn u l-vulnerabbli.
Hemm diversi raġunijiet li jagħtu lok lil Malta u l-Ordni Sovrana ta’ Malta biex titkompla l-kollaborazzjoni bejniethom fuq diversi materji soċjokulturali li huma ta’ interess reċiproku.
Il-poplu Malti jemmen bis-sħiħ li llum, aktar minn qatt qabel, l-impenn tagħna lejn il-paċi u s-solidarjetà jibqa’ kruċjali biex inħarsu dak kollu li missierijietna, rnexxielhom jiksbu b’tant sagrifiċċju fil-passat.
Malta kemm bħala Stat Membru tal-Unjoni Ewropea kif ukoll bħala membru tal-komunità internazzjonali se tibqa’ ssotni li r-reġjun tal-Mediterran għandu jkun ċentrali fil-politika komuni, speċjalment f’dawn iż-żminijiet daqshekk diffiċli, li qed jaffettwaw lill-pajjiżi tal-Mediterran fosthom minħabba l-immigrazzjoni bħala waħda mill-effetti diretti tal-konflitti li qed iseħħu fl-Afrika, il-Lvant Nofsani u l-Lvant Imbiegħed.
Għal Malta, il-kwistjoni tbaqbaq tal-estremiżmu, li qed jieħu f’għadd ta’ pajjiżi, hija waħda ta’ urġenza li għandha tkun indirizzata mill-komunità internazzjonali, u dan għaliex dan kollu qed jagħmel ħerba mill-valuri demokratiċi u d-drittijiet umani.
Malta, bħall-pajjiżi sieħba tagħha, temmen fid-djalogu u d-diskussjoni.
Malta, fil-pożizzjoni ġeostrateġika tagħha ta’ importanza bla qies u f’salib it-toroq bejn tliet kontinenti, tibqa’ ffukata fil-ħidma għall-paċi u s-solidarjetà bejn il-ġnus.
Malta tinnota b’sodisfazzjon li l-Ordni Sovrana ta’ Malta qed iżżomm il-momentum tagħha, permezz tal-attivitajiet li twettaq f’ħafna pajjiżi madwar id-dinja, fejn qed tagħti l-għajnuna lil dawk fil-bżonn u l-iżjed vulnerabbli, mingħajr distinzjoni ta’ razza jew reliġjon.
Min-naħa tagħha, Malta se tkompli bir-rwol tagħha bħala stat Mediterranju fl-Unjoni Ewropea tippromwovi l-paċi u l-kooperazzjoni ekonomika, soċjali u kulturali bejn l-istati u l-ġnus kollha.
Malta lesta taħdem mal-Ordni Sovrana, sabiex jitkabbru l-isforzi għal djalogu aktar miftuħ u sinċier, bejn il-ġnus, bil-għan li niżguraw il-paċi u l-istabbiltà fir-reġjun tal-Mediterran.
L-istorja ta’ suċċess bejn Malta u l-Ordni Sovrana ta’ Malta tul iż-żminijiet, bil-mezzi ta’ dak iż-żmien, tista’ tirrepeti ruħha bil-mezzi tal-lum li huma mibnija fuq il-prinċipji tal-kooperazzjoni u djalogu kontinwu.
B’sodisfazzjon ninnota li r-restawr tal-Forti Sant’ Anġlu wasal fi stadju avvanzat, fejn dan il-Forti storikament tant importanti u llum ta’ patrimonju hekk kbir se jerġa’ jikseb il-glorja u s-sbuħija li kellu qabel.
Il-Forti Sant’Anġlu, huwa l-ewwel monument viżibbli tal-Ordni Sovrana ta’ Malta f’dawn il-gżejjer, iżda wkoll għaliex kull min jidħol f’Malta mill-Port il-Kbir mill-ewwel jilqgħu dan l-edifiċju maestuż.
Fl-aħħar nett nistieden lill-Altezza Eminentissima Tiegħu, il-Prinċep u Gran Mastru, biex flimkien nesprimu intenzjonijiet reċiproċi tagħna favur ħidma li tkompli tassigura l-ġid, mhux biss tal-poplu Malti, iżda wkoll tal-popli tad-dinja.
Altezza Eminentissima, nixtieq minn qalbi nirringrazzjak, li għoġbok tonorana bil-preżenza tiegħek fostna, filwaqt li nawgura lilek, Altezza Eminentissima u d-delegazzjoni distinta tiegħek, żjara ta’ suċċess f’pajjiż, li għadu tant jgħożż il-patrimonju u l-istorja tal-Ordni, b’risq it-twettiq ta’ iktar ħidmiet soċjali għal ġid tal-umanità.
Issa nixtieq nistieden lil kulħadd biex nawguraw li r-relazzjonijiet eċċellenti bejn Malta u l-Ordni Sovrana ta’ Malta jkomplu jissaħħu u biex l-aspirazzjoni taż-żewġ naħat, li nġibu l-paċi u l-prosperità fost il-popli kollha tad-dinja, tkompli ssir aktar realtà.
B’saħħet l-Altezza Eminentissima Tiegħu, il-Prinċep u Granmastru tal-Ordni Sovrana ta’ Malta u saħħet pajjiżna.