Għeżież Maltin u Għawdxin
Issa li bħala poplu qdejna dmirna, fil-proċess demokratiku ta’ pajjiżna, xtaqt naqsam magħkom xi riflessjonijiet.
Għal uħud minna, dawn il-ġimgħat ta’ kampanja elettorali, kienu jfissru telf ta’ paċi u serenita’.
Kienu ġimgħat fejn sfortunatament, il-valuri tal-kompassjoni, is-solidarjetà, u s-sens komunitarju, twarrbu.
B’dispjaċir nnutajt, żieda qawwija f’tgħajjir, insulti, u diżrispett lejn xulxin.
In-nuqqas ta’ rispett u dinjita’ lejn xulxin, tneżża lill-persuna, li jaqla’ l-insulti u t-tgħajjir, mill-umanità tagħha.
F’kull diskors tiegħi, f’Jum ir-Repubblika, u f’diskorsi oħra, wissejt diversi drabi, fuq l-abbuż mill-mezzi tal-komunikazzjoni, speċjalment dawk soċjali. Sfortunatament, f’dawn il-ġimgħat, dan l-abbuż kiber, b’konsegwenzi li ma nistgħux nikkalkulawhom.
Dak li beda fil-midja, tkompla fuq il-postijiet tax-xogħol, fl-iskejjel, fil-postijiet tad-divertiment, bejn il-ġirien, il-ħbieb u anke fil-familji.
Nafu lkoll, li, il-ħsara tinfirex b’ħeffa.
Nemmen li l-episodji ta’ diżrispett ta’ dawn l-aħħar ġimgħat ħallew telliefa biss. Tilef min insulta u għajjar… tilfu l-persuni milquta…tilfu l-partiti, li f’isimhom saru dawn l-atti ta’ diżrispett… tilef il-pajjiż, li sar anqas uman…tilfu l-familji, li f’xi wħud minnhom nibtet anke l-mibegħda.
Tlifna ħafna mis-sens ta’ djalogu bejnietna.
Iva, tlifna lkoll, bħala nazzjon.
Nafu li fi ftit sigħat oħra, se jkollna parti mill-popolazzjoni ferrieħa, u parti oħra ddispjaċuta. Nappella lill-partiti u lill-istituzzjonijiet, u l-postijiet tax-xogħol, u l-familji, biex f’dan il-mument, nuru rispett lejn xulxin, inkunu l-kebbiesa tad-dawl u nkunu attivisti tal-għaqda u l-paċi.
Nixtieq nara poplu li jirritorna kemm jista’ jkun malajr għar-raġuni u d-djalogu, elementi li jikkostitwixxu l-bażi ta’ demokrazija vera u b’saħħitha.
Irrid nistqarr li, m’għandi l-ebda illużjoni li xi ħadd se jinsa dawn il-ġimgħat malajr.
Għalhekk, nappella għar-rikonċiljazzjoni.
Ir-rikonċiljazzjoni ma nistgħux nibnuha billi nevitaw lil xulxin, iżda billi niltaqgħu ma’ min weġġajna, u nitolbuh skuża.
Jeħtieġ ngħannqu lil dawk li, f’dawn il-ġimgħat, qisniehom b’rivali jew b’għedewwa. Dawn jistgħu jkunu l-ħbieb, il-ġirien, sħabna fuq ix-xogħol, jew il-familjari tagħna.
F’dan il-mument, u fiż-żmien li ġej, għandu jieqaf il-lingwaġġ aggressiv u abbużiv. Jeħtieġ nirritornaw għad-djalogu mibni fuq il-fatti u fuq ir-rispett reċiproku.
Nistenna li l-mexxejja tal-partiti jibdew huma, billi jagħmlu l-ewwel passi f’din id-direzzjoni.
Irrid nistqarr ukoll, kemm inħossni kburija, b’dawk fostna Maltin u Għawdxin, b’fehmiet politiċi differenti, li kienu rispettużi u dinjitużi, fis-sehem li taw, fit-twettiq ta’ dan il-proċess demokratiku.
Ejjew ma ninsewx, li jkun xi jkun ir-riżultat, aħna nibqgħu poplu u nazzjon wieħed, ġirien, u familjari ta’ xulxin.
Ejjew nerġgħu ningħaqdu, għaliex fl-għaqda biss, nistgħu niksbu l-paċi u l-ġid sostenibbli, għan-nazzjon tagħna.
Nawgura s-sliem lil kulħadd.