‘Ejjew naħdmu għat-tfal u mat-tfal, ejjew nisimgħu lit-tfal, ejjew nagħtuhom vuċi’ – Il-President ta’ Malta

‘‘Ejjew naħdmu għat-tfal u mat-tfal, ejjew nisimgħu lit-tfal, ejjew nagħtuhom vuċi.’’ Dan kien l-appell tal-President ta’ Malta waqt seminar ‘Il-Jum Ewropew għall-ħarsien tat-tfal kontra l-esplojtazzjoni u  abbuż sesswali’ organizzat mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Soċjali. Waqt is-seminar, il-President qalet li “hemm bżonn li naħdmu għat-tfal u mat-tfal billi nisimgħu x’għandhom x’jgħidulna fi kwalunkwe aspett li b’xi mod jew ieħor jaffettwalhom ħajjithom anki fl-aspett tas-sesswalità tagħhom.”

 

Il-President ta’ Malta qalet li fejn jidħol l-abbuż sesswali tat-tfal, hemm bżonn ta’ aktar żvilupp ta’  policies u liġijiet li jipproteġu lit-tfal. Sostniet li hemm bżonn ta’ aktar djalogu fuq livell ta’ komunitajiet dwar strateġiji ta’ prevenzjoni u kampanji ta’ tagħrif, kif ukoll servizzi effiċjenti u pronti  għall-vittmi żgħażagħ.

 

Il-President irreferiet għall-Konvenzjoni ta’ Lanzarote tal-2007 li fassal il-Kunsill tal-Ewropa u li hi speċifikament immirata fuq il-protezzjoni tat-tfal kontra l-isfruttament u l-abbuż sesswali, li tagħti linji gwida ċara dwar il-miżuri u l-inizjattivi li għandhom jittieħdu fuq livell nazzjonali u komunitarji.

 

Il-President saħqet fuq il-bżonn ta’ kampanji edukattivi sħaħ għall-ġenituri dwar positive parenting.  Staqsiet jekk hux qed jinħolqu opportunitajiet effettivi għall-parteċipazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ fl-istadji kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet.