Festa Palazz’ fil-Palazz ta’ Sant’ Anton

 Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca dalgħodu varat ‘Festa Palazz’ b’risq il-Malta Community Chest Fund li se ssir fid-29 u fit-30 ta’ Mejju fil-Palazz ta’ Sant‘Anton.  Il-President ta’ Malta spjegat li din hija attività oħra organizzata mill-Uffiċċju bl-għan li l-familji u l-pubbliku inġenerali jkunu jistgħu jidħlu fil-Palazz ta’ Sant‘Anton u jgawdu l-ambjent storiku u dak naturali tiegħu.

 Mario Coleiro, ic-chairman tat-tim organizzativ ta’ din l-attività spjega kif ‘Festa Palazz’ se tkun mifruxa mill-ġnien pubbliku ta’ Sant’Anton sal-Kitchen Garden.  Se jinfetaħ ukoll il-ġnien privat tal-President u fil-Palazz stess se tittella’ wirja esklussiva u interessanti ta’ kwadri tal-gvernaturi fis-swali tal-Palazz.  Il-preżenza tal-pubbliku se tkun qed tikkontribwixxi lejn il-fond tal-Malta Community Chest Fund, fejn se tintalab donazzjoni żgħira ta’ 5 ewro għall-adulti, filwaqt li t-tfal se jidħlu bla ħlas.

 ‘Festa Palazz’ se tkun qed tagħti spettaklu għat-tfal u għall-kbar, b’bejgħ ta’ ikel ippreparat mill-kċina tal-President.  Il-Festa se jkollha esibizzjoni ħajja ta’ snajja u artiġjanat Malti bi 18 –il esibitur li se jkunu qed jaħdmu x-xogħol tagħhom.  Attrazzjoni sabiħa se tkun fil-ġnien privat bis-sehem tal-Malta Visual Arts Group li se jkunu qed ipittru xeni mill-Palazz.  Se jsir ukoll it-tour tal-Palazz bis-sehem tal-Historical Re-Enactment Group of Malta li se jkun animat fl-era ta’ żmien il-Gvernatur Sir Alexander Ball.  ​