Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali dwar il-Kanċer, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, żaret iċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

Illum, fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali dwar il-Kanċer, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, żaret iċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo.

Waqt din iż-żjara, li matula l-President Coleiro Preca kienet akkumpanjata mis-Sur John Camilleri, Chairman tal-Bord tal-Amministraturi tal-Malta Community Chest Fund Foundation, hija ħabbret li l-istess MCCFF daħlet għal proġett li permezz tiegħu kull sodda fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija ser ikollha sett tat-televiżjoni komplut b’għadd ta’ stazzjonijiet diversi.

Il-President irringrazzjat lil kull min kien involut biex dan il-proġett isir realtà, fosthom id-diriġenti u l-ħaddiema taċ-Ċentru tal-Onkoloġija u tal-Isptar Mater Dei, lill-kumpaniji li ssupplixxew is-settijiet tat-televiżjoni u anke s-servizz, u lill-Maltin u l-Għawdxin. Dan għaliex, mingħajr il-ġenerożità tal-Maltin u l-Għawdxin, dan il-proġett żgur ma’ kienx ikun possibbli.

Intant, waqt attività li n-National Cancer Platform organizzat fil-Belt Valletta biex jiżdied l-għarfien dwar il-kanċer u dwar il-prevenzjoni tal-marda tal-kanċer, il-President ta’ Malta ħabbret ukoll li l-għaqdiet li jifformaw in-National Cancer Platform iddeċidew li jingħaqdu flimkien u jagħmlu assoċjazzjoni. L-iskop huwa li l-għaqdiet jibqgħu indipendenti fis-servizzi li huma jagħtu imma li jkunu flimkien ħalli jkunu jistgħu jwasslu aħjar il-vuċi għall-bżonnijiet li hemm ħalli l-poplu jsir iktar konxju ta’ x’għandu jagħmel biex jippreveni, jew biex jimmaniġġja l-marda tal-kanċer bl-aħjar mod possibbli.

L-għaqdiet li jifformaw parti min-National Cancer Platform huma:

  • Action for Breast Cancer Foundation
  • Alive Charity Foundation
  • Aurora Support Service
  • Europa Donna Malta
  • Dr Klown
  • Hospice Malta
  • Karl Vella Foundation
  • Lumiere Support Group
  • The Malta Community Chest Fund Foundation
  • Malta Health Network
  • Malta Male Cancer Awareness
  • Malta Ostomy Association
  • Malta Colorectal Cancer Awareness Group
  • Puttinu Cares
  • Survivors Malta