Ġewwa r-Ruma, l-E.T. Marie-Louise Coleiro Preca, President ta’ Malta, ppressediet iffirmar ta’ Memorandum of Understanding bejn l-Universita’ LUISS, il-Fondazione Terzo Pilastro u The President’s Trust, li permezz tiegħu, kull sena, tlett żgħażagħ Maltin – żgħażagħ li ġejjin minn background ta’ familji li għandhom mezzi finanzjarji ristretti, ser jingħataw l-opportunita’ li jingħataw scholarship mal-istess Universita’ LUISS għal korsijiet fil-livell post-sekondarju, liema korsijiet huma twal tlett snin, u huma bil-lingwa Ingliża.
F’diskors qasir waqt dan l-iffirmar storiku, il-President Coleiro Preca qalet li din l-inizjattiva ta’ The President’s Trust, flimkien mal-Fondazione Terzo Pilastro u LUISS University, ser toħloq opportunita’ unika għal żgħażagħ li forsi qatt ma’ ħasbu li jistgħu jistudjaw barra minn Malta. “Din ttini sens ta’ sodisfazzjon u ferħ,” stqarret l-Eċċellenza Tagħha, filwaqt li qalet li aktar dettalji ta’ kif u meta ser jinfetħu l-applikazzjoni ser jingħataw fil-ġimgħat li ġejjin minn The President’s Trust, ġewwa Malta.
Imwaqqfa, mill-President Coleiro Preca, f’Mejju tal-2015, The President’s Trust għandha l-għan li tkun ta’ appoġġ għal żgħażagħ vulnerabbli, billi tgħinhom fil-formazzjoni ta’ ħajjithom. It-Trust tmexxi programmi u inizjattivi li permezz tagħhom żgħażagħ vulnerabbli jingħataw għajnuna biex isibu xogħol, taħriġ u opportunitajiet ta’ studju fost l-oħrajn.
L-Universita’ LUISS hija universita’ indipendenti, bbażata ġewwa Ruma u għandha erba’ dipartimenti prinċipali: Dipartiment tal-Ekonomija u l-Finanzi; Dipartiment tal-Business and Management; Dipartiment tal-Liġu; u Dipartiment tax-Xjenzi Politiċi. Dan il-ftehim qiegħed jiġi ffirmat wara li aktar kmieni din is-sena, The President’s Trust u l-Fondazione Terzo Pilastro iffirmaw Memorandum of Understanding biex issir kollaborazzjoni fuq għadd ta’ proġetti, u wara wkoll li l-Fondazione Terzo Pilastro u l-Universita’ LUISS nedew il-‘Fondazione Mediterraneo – Diritto allo Studio LUISS Guido Carli’, li issa ssieħbet miegħu ukoll The President’s Trust.
Waqt żjara ta’ orjentazzjoni ġewwa l-Universita’ LUISS, il-President Coleiro Preca, ferħet lid-diriġenti tal-Universita’, għall-metodoloġija li huma jħaddnu fil-mod ta’ kif imexxu il-korsijiet tagħhom u fil-mod ta’ kif iġiegħlu lill-istudenti iħossuhom komdi tul l-istudji tagħhom. Minn naħa l-oħra, il-President irringrazzjat ukoll lill-Barone Professore Emmanuele Emanuele għas-sens qawwi ta’ solidarjeta’ u altruwiżmu, li bihom immexxi il-Fondazione Terzo Pilastro, u rringrazzjatu wkoll għall-ġid imprezzabbli li huwa qiegħed jagħmel ma’ numru kbir ta’ żgħażagħ vulnerabbli, li issa jinkludu wkoll żgħażagħ Maltin u Għawdxin.
Il-Fondazione Terzo Pilastro (Italia e Mediterraneo) hija Fondazzjoni li taħdem bil-għan li tiffaċilita’ u ssaħħaħ il-ħidma ta’ organizzazzjonijiet non-profit, billi tissieħeb fi proġetti dwar is-Saħħa, ir-riċerka xjentifika, l-għajnuna għal dawk inqas ixxurtjati, edukazzjoni, u kultura, fin-nofsinhar tal-Italja u fir-reġjun tal-Mediterran.
It-tliet studenti, li ser jintgħażlu mill-Universita’ LUISS wara konsultazzjoni diretta ma’ The President’s Trust ser ikunu qed jitħallsulhom mhux biss il-fondi tal-kors innifsu, iżda wkoll l-ispejjeż ta’ vjaġġar bejn Malta u l-Italja, spejjeż ta’ akkomodazzjoni u spejjeż għal riżorsi akkademiċi. Il-pjan huwa li sa tliet snin oħra, permezz ta’ dan il-memorandum of understanding, jkunu ngħataw dan l-ischolarship, total ta’ 9 studenti Maltin.
Għal The President’s Trust, iffirma is-Sur Michael Bianchi, Trustee, filwaqt li għall-LUISS University u Fondazione Terzo Pilastro, iffirmaw is-Sur Giovanni Lo Storto, Direttur; u Barone Professore Avvocato Emmanuele Francesco Maria Emanuele di Villa Bianca, Fundatur, rispettivament.