Għad hawn ħafna x’isir biex persuni ‘coeliac’ ikunu jistgħu jgħixu ħajja kif jixtiequ huma

Dan stqarritu l-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca waqt li indirizzat konferenza pubblika organizzata mill-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà flimkien ma’ Narrative Structures, bl-iskop li jiżdied l-għarfien dwar il-kundizzjonicoeliac. Is-sena li għaddiet, il-President Coleiro Preca ddikjarat il-25 ta’ April bħala l-jum li fih niftakru fil-kundizzjoni coeliac, u din il-konferenza ġiet organizzata biex jiġi mfakkar dan il-jum għat-tieni sena konsekuttiva.
 
Il-President qalet li f’Malta hawn mal-1,500 ruħ reġistrati bħala coeliac “iżda madanakollu huwa stmat li hemm numru kbir ta’ nies li huma coeliac u lanqas jafu għax qatt ma ġew identifikati”. Il-President appellat biex tittieħed azzjoni ħalli l-istatistika tirrifletti b’mod aktar ċar, ir-realtà ta’ pajjiżna f’dan ir-rigward.
 
Il-kundizzjoni coeliac hemm imnejn ma tingħarafx mal-ewwel. Il-President tkellmet fuq il-bżonn li jiġu analizzati l-fatturi li jikkontribwixxu għan-nuqqas tal-għarfien dwar din il-kundizzjoni sabiex ma jkunx hemm dijanjosi tardiva, liema dijanjosi jista’ jkollha effetti serji “mhux biss fuq l-individwu u l-familja tiegħu, iżda fuq il-komunità, is-servizz tas-saħħa, u s-soċjetà in ġenerali.”
 
Meta nirrikonoxxu li dijanjosi bikrija hija kruċjali għall-ġid tal-individwi b’din il-kundizzjoni, għandna nikkunsidraw modi kif jistgħu jiġu mtejba r-rati ta’ dijanjosi. Forsi rridu niġu iżjed konxji tal-possibilità li nfittxu l-għajnuna ta’ tabib mingħajr mistħija, jew inkwiet bla bżonn”, tenniet il-President filwaqt li insistiet li jeħtieġ naraw il-passi li qed jittieħdu sabiex il-persuni li għandhom din il-kundizzjoni jiġu megħjuna u jieħdu ħsieb il-kundizzjoni aħjar.
 
Il-President Marie-Louise Coleiro Preca qalet li hemm bżonn ta’ żieda fl-edukazzjoni dwar dieta mingħajr glutina, flimkien ma’ eżempji tajbin tal-ikel li jrid jiġi evitat.
 
“Hemm bżonn inħeġġu azzjoni fis-settur tas-servizz tal-ikel, u fl-industriji tal-ospitalità u t-turiżmu. Dawn kollha jagħtu sehem importanti u meħtieġ bħala parti minn pjan komprensiv li jwassal għall-għarfien dwar is-coeliac mifrux mal-poplu kollu.”
 
Il-President tenniet li għad hawn ħafna x’isir biex persuni coeliac ikunu jistgħu jgħixu ħajja kif jixtiequ huma, u qalet li mhuwiex aċċettabbli li persuni coeliac iħossuhom iżolati jew konfużi wara li jirċievu din id-dijanjosi, u wisq aktar tul il-medda ta’ ħajjithom, u kollha kemm aħna għandna d-dmir li nagħtu sehemna biex inwasslu messaġġ ta’ kuraġġ u solidarjetà.
 
“Tifkiriet annwali bħal din li qed nagħmlu llum, għandhom irwol importanti biex ngħollu l-livell tal-għarfien dwar il-kundizzjoni coeliac. Permezz ta’ okkażjonijiet bħal din nittama li naslu biex inħeġġu iżjed nies ifittxu għajnuna medika speċjalizzata li tista’ tgħinhom fi żmien bikri”.
 
Fl-aħħar nett il-President awgurat li l-Jum Nazzjonali għall-Għarfien dwar is-Coeliacisaħħaħ l-isforzi tagħna biex niffaċċjaw din il-kundizzjoni, u li l-ħidma f’dan ir-rigward tassigura li kull individwu jiġi trattat b’dinjità u b’rispett.
 
Għal din il-konferenza kien mistieden il-Professur Chris Mulder, espert dinji dwar il-kundizzjoni coeliac u professur fil-UV Medical Centre f’Amsterdam.