Waqt konferenza tal-aħbarijiet marbuta ma’ The President’s Solidarity Fun Run 2017 b’riżq il-Malta Community Chest Fund Foundation, il-President Marie-Louise Coleiro Preca appellat biex “nagħmlu ħilitna biex inkunu magħqudin bħala poplu”. Qalet li “dan hu mument qawwi biex ningħaqdu flimkien għax għandna bżonn inkunu flimkien fuq xi ħaġa li m’għandniex diverġenza fuqha ħalli nuru li aħna poplu fejn, għalkemm hemm mumenti fejn inkunu fuq naħa jew oħra, hemm mumenti fejn aħna kapaċi nkunu flimkien u nagħmlu xi ħaġa ta’ ġid għal xulxin”.
Il-President irringrazzjat lil Onor. Clifton Grima u lil Onor. David Agius tal-preżenza tagħhom – liema preżenza tagħmel statement qawwi li l-partiti politiċi huma parti integrali minn din it-tip ta’ attività.
Il-President spjegat li The President’s Solidarity Fun Run isservi wkoll biex nippromwovu l-eżerċizzju u l-istil ta’ ħajja b’saħħitha – li hu bżonn f’pajjiżna – hekk kif statistika anke mill-World Health Organisation turi li bħala poplu għandna bżonn nippromwovu stil ta’ ħajja b’saħħitha anke minħabba r-rati għoljin ta’ obeżità.
Il-President appellat biex il-familji jattendu bi ħġarhom għall-fun run ta’ nhar il-Ħadd li ġej biex ningħaqdu flimkien f’solidarjetà u biex jingħata eżempju tal-ħtieġa li jkollna healthy lifestyle.
Illum jaħbat il-Jum Dinji tad-Dijabete u l-President qalet li din il-kundizzjoni hi komuni ferm f’pajjiżna. Għaldaqstant, din għandha tkun motivazzjoni biex il-fun run tal-Ħadd li ġej tkun suċċess aktar mis-soltu ħalli lkoll flimkien nagħmlu commitment nazzjonali li rridu bidla fil-lifestyle tagħna ħalli kulħadd jipparteċipa f’xi forma jew oħra ta’ eżerċizzju fiżiku.
Il-fun run tifforma parti intrinsika mill-commitment internazzjonali li pajjiżna għandu lejn l-Aġenda 2030 tal-Ġnus Magħquda, speċjalment il-Mira għall-Iżvilupp Sostenibbli Numru 3, li tħeġġiġna niżguraw ħajjiet b’saħħithom u nippromwovu l-well-being għal kulħadd. Dan il-well-being jinkludi wkoll is-saħħa mentali. Il-President tenniet li dan it-tip ta’ eżerċizzju jista’ jkun ta’ għajnuna għall-mental well-being tagħna apparti l-well-being in ġenerali.
Il-President Coleiro Preca rringrazzjat lil kull min hu involut fl-organizzazzjoni tal-fun run; lis-Sur Mark Cutajar, iċ-Chairman tal-Kumitat Organizzattiv, lil SportMalta u lil BNF Bank li huma partners f’din l-attività u lill-entitajiet li joffru l-għajnuna tagħhom b’riżq din l-attività.
The President’s Solidarity Fun Run 2017 se ssir nhar il-Ħadd, 19 ta’ Novembru mill-10:00 ta’ filgħodu ’l quddiem. Il-ġirja titlaq mir-Rabat hekk kif il-mixjiet jitilqu mill-Università ta’ Malta, minn Santa Venera, u minn Raħal Ġdid. L-applikazzjonijiet miftuħa fuq is-sit www.mccf.store jew mill-Palazz ta’ Sant’ Anton, mill-uffiċini tal-Malta Community Chest Fund Foundation, il-Belt Valletta, mill-fergħat ta’ BNF Bank jew mill-punti tal-bejgħ tal-Maltco.