Diskors mill-E.T. Marie-Louise Coleiro Preca, President ta’ Malta waqt iċ-ċerimonja tal-Premju Papa Ġwanni XXIII, organizzat mill-Laboratorju tal-Paċi.
Huwa pjaċir tiegħi li ningħaqad magħkom, u speċjalment maż-żgħażugħa Leah Cocks, u l-ħabiba tagħha Kelly Grech, flimkien mal-ġenituri u l-edukaturi tagħhom. Inġbarna flimkien llum, sabiex nuru rikonoxximent lejn il-ħidma kontinwa u importanti tal-Laboratorju tal-Paċi u wkoll, biex, fuq kollox, niċċelebraw dan il-premju annwali…il-Premju Papa Ġwanni XXIII.
Ippermettuli nifraħ lill-Patri Dijonisju Mintoff, bħala l-Fundatur tal-Laboratorju tal-Paċi, għall-viżjoni li kellu tant snin ilu, biex introduċa dan il-premju sabiħ, li llum huwa parti mill-kalendarju nazzjonali tagħna.
Irrid nifraħ minn qalbi lil Leah, ta’ ħidmietha, b’risq il-valur tas-solidarjeta’. Leah ħadnet il-valur tas-solidarjeta’ minn ċkunitha, għaliex minkejja li llum qed niċċelebraw is-solidarjeta’ u l-għajnuna li tat lil Kelly, nafu li Leah, dan il-valur għamlitu tagħha, u nistgħu nqisuha bħala xempju ħaj tal-attiviżmu pożittiv zgħażugħ.
Hawnhekk nixtieq nieħu l-opportunita, biex nħeġġeġ liż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin, biex, żgħożithom, li hija l-isbaħ mument fil-proċess ta’ ħajjithom, jużawha biex jgħarfu jkunu attivisti tas-solidarjeta’, u tal-paċi, fost sħabhom u l-familji, u l-kommunitajiet tagħhom.
Għeżież żgħażagħ Maltin u Għawdxin, meta turu rispett u ħniena, tkunu diġa qed turi kwalitajiet kbar ta’ tmexxija. Kwalitajiet li lilna l-kbar għandhom jagħmlulna kuraġġ, u kunfidenti minn futur sabiħ għal pajjiżna.
Jiena konvinta li aħna lkoll konxji illi d-dinja tagħna għaddejja minn ħafna sfidi, u li xi wħud minnhom jidhru diffiċli biex nindirizzawhom.
Hemm nies, saħansitra anke fis-soċjetà tagħna, illi qed jgħixu l-faqar, il-prekarjat u l-esklużjoni.
Hemm nies, saħansitra fil-komunitajiet tagħna, li jibżgħu li jkollhom relazzjonijiet ma’ ħaddieħor, jew li jħossuhom li m’għandhomx vuċi sabiex iwasslu l-inkwiet tagħhom.
Għalhekk, għeżież żgħażagħ Maltin u Għawdxin, ejjew nieħdu l-eżempju ta’ Leah, biex titħeġġu ħalli minn ċkunitkhom tkunu attivisti tas-solidarjeta’.
Minn naħa l-oħra, ma nistgħux nippretendu li ż-żgħażagħ tagħna jitħeġġu biex ikunu attivisti tas-solidarjeta’, jekk aħna l-kbar, ma nkunux kapaċi nagħtuhom l-eżempju.
L-eżempju tagħna jrid jibda, billi aħna l-kbar nkunu kapaċi nagħtu rispett u dinjita’ lil xulxin. Għax ir-rispett u d-dinjita’ huma żewġ valuri fundamentali li fuqhom tistrieħ id-demokrazija attiva u b’saħħitha.
Nemmen illi bħala soċjeta’, rridu nżommu f’moħħna, il-ħin kollu, l-importanza tar-rispett fid-djar tagħna, fl-iskejjel tagħna, fl-ogħla istituzzjonijiet tagħna, u fit-toroq u fil-pjazez ta’ pajjiżna.
Jekk ma nurux rispett u dinjita’, għalina u għall-ġirien tagħna, allura ma nkunux nistgħu noħolqu l-paċi pożittiva neċessarja u l-ġid ħolistiku li huma l-pedamenti essenzjali tal-iżvilupp b’saħħtu ta’ pajjiżna.
Irridu nibdew minna l-kbar, li nkunu konxji wkoll tal-impatt li t-teknoloġija moderna qed tħalli fil-ħajja tagħna.
Jeħtieġ li nitgħallmu u ngħallmu liż-żgħażagħ tagħna, kif nużaw il-metodi diġitali tal-komunikazzjoni u l-midja soċjali, b’mod li jkunu rispettużi u dinjitużi, ħalli nrawmu l-għaqda u noħolqu relazzjonijiet li jkabbruna, jimmaturawna, u jsaħħuna bħala poplu.
Il-paċi pożittiva, u l-ġid ħolistiku jinħolqu u jkunu sostnuti, meta niffurmaw relazzjonijiet b’saħħithom ma’ nies oħrajn, għax nagħtu r-rispett u d-dinjita’.
Hawnhekk irrid nirringrazzja minn qalbi għal darb’oħra, lill-Laboratorju tal-Paċi, li bis-saħħa tal-ħidma tiegħu mat-tfal u ż-żgħażagħ, il-Laboratorju tal-Paċi qed jibgħat messaġġ qawwi dwar il-valuri li nistgħu nagħtu lis-soċjetà Maltija u Għawdxija.
Bi pjaċir, irrid nenfasizza, li l-ħidma tal-Laboratorju tal-Paċi, matul dawn is-snin kollha ikkontribwiet biex rawmet u sostniet membri fi ħdan is-soċjeta’ Maltija, biex jkunu attivisti tal-paċi pożittiva u l-ġid ħolistiku.
Irrid ninnota wkoll li, x-xogħol tal-Laboratorju tal-Paċi, huwa marbut ukoll mal-messaġġ qawwi tal-Aġenda 2030 tal-Ġnus Magħquda, u l-Miri għall-iżvilupp Sostenibbli tagħha.
Dawn il-miri globali jipproponu qafas għall-futur sostenibbli tal-umanita’ u tad-dinja li qed ngħixu fiha.
L-SDGs jagħmluha ċara illi kull wieħed u waħda minna, il-familji u l-komunitajiet tagħna, huma konnessi bejniethom, permezz ta’ realtajiet ekonomiċi, soċjali, politiċi u ambjentali.
Meta niltaqa’ ma’ tfal u żgħażagħ, ta’ spiss nitkellem dwar il-Miri għal Żvilupp Sostenibbli, għaliex dawn il-miri għandhom messaġġ qawwi għalihom ukoll.
Jekk nieħdu l-Ewwel Mira għall-Iżvilupp Sostenibbli, din tfakkarna li rridu nagħtu għajnuna u appoġġ speċjali lil nies li qed jgħixu fil-faqar, għax ma jistax ikun hemm paċi pożittiva u ġid ħolistiku, sakemm il-pjaga tal-faqar titħalla tnawwar lil tant kommunitajiet u ġnus fid-dinja.
Kemm nixtieq li l-poplu tagħna jgħarbel b’liema mod jista’ jiddedika aktar ħin, u enerġija, biex ngħinu lil xulxin ħalli nindirizzaw id-diversi tbatijiet ta’ membri tal-kommunitajiet tagħna.
It-Tielet Mira għall-Iżvilupp Sostenibbli, titkellem dwar kif għandna nassiguraw li jkun hemm opportunitajiet ekwi u b’saħħithom għan-nies kollha, sabiex kulħadd ikun jista’ jgħix u jgawdi minn ġid ħolistiku. Din it-tielet mira tfakkarna li biex niksbu dan, jinħtieġ nittrattaw lil xulxin b’rispett u b’dinjita’.
Din il-mira tfakkarna fir-Regola tad-Deheb, li tgħid illi għandna dejjem nittrattaw lil ħaddieħor kif irridu li ħaddieħor jittratta lilna.
Irrid nirreferi wkoll, għall-Għaxar Mira għall-Iżvilupp Sostenibbli, li tgħidilna biex niftakru fl-importanza tal-ugwaljanza għal kulħadd, irrispettivament mill-ġeneru tagħna, mill-etniċità, mill-orjentazzjoni sesswali jew mill-kultura tagħna.
Din il-mira tinsisti, li kull bniedem huwa parti sħiħa mill-umanità, u għaldaqstant jixraqlu li jkun ttrattat bi mħabba u rispett.
Għaldaqstant, nappella lill-poplu Malti u Għawdxi, biex jaħseb kif jista’ juri mħabba u rispett lejn kulħadd, ħalli nassiguraw li l-kommunitajiet u s-soċjeta’ tagħna jkunu tassew inklussivi.
Minn naħa l-oħra It-Tlettax-il Mira għall-Iżvilupp Sostenibbli tfakkarna fl-importanza li nħarsu l-ambjent naturali tagħna, u kif l-umanità għandha tkun impenjata biex tipproteġi d-dinja tagħna.
Nittama li dawn il-Miri għall-Iżvilupp Sostenibbli, li tant huma riflessi fil-ħidma intrinsika tal-Laboratorju tal-Paċi, jispiraw liż-żgħażagħ tagħna biex jkunu l-attivisti tal-lum għall-paċi u għas-solidarjeta’ fl-iskejjel u l-komunitajiet tagħna, biex, jekk Alla jrid, għada jkunu l-mexxejja sodi ta’ pajjiżna.
Huwa għalhekk, li jiena tant ferħana u kburija b’Leah llum, għaliex, bħala żgħażugħa, qed tirrifletti dan l-attiviżmu b’risq żgħażagħ oħra bħalha.
J’Alla l-eżempju ta’ Leah, jkaxkar lilna lkoll.
Grazzi.