Waqt riċeviment ospitat mill-Ordni Militari Sovran ta’ Malta biex titfakkar il-festa ta’ San Ġwann il-Battista, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca sostniet li f’pajjiżna jista’ jseħħ djalogu inter-kulturali.
Il-President Coleiro Preca qalet li din il-Presidenza qed tħares ’l quddiem li taħdem iżjed flimkien mal-Ordni fil-qasam soċjali, b’mod partikolari fejn jidħol il-faqar u l-ġid tal-familji.
Hija faħħret lill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ordni Militari Sovran ta’ Malta għall-ħidma filantropika li ilha twettaq f’pajjiżna.
Il-President Coleiro Preca semmiet id-diversi xogħlijiet fuq diversi siti li huma wirt li ħallew f’Malta l-Kavallieri fosthom ir-restawr li qed isir fil-Belt Valletta u fil-Kastell Sant’Anġlu fil-Birgu.
Il-President sostniet li qed tħares ’l quddiem biex tilqa’ lill-Granmastru Fra’ Matthew Festing li mistenni jżur Malta fiż-żmien li ġej.
Spjegat kif is-sena d-dieħla se tkun sena importanti li tfakkar ir-rabtiet storiċi li jeżistu bejn Malta u l-Ordni ta’ San Ġwann għaliex jaħbat l-450 anniversarju mill-Assedju l-Kbir tal-1565.