“Huwa dritt tagħkom it-tfal li titkellmu u huwa d-dmir tagħna l-adulti li nisimgħukom, nagħrblu x’qed tgħidu u naġixxu” – Il-President ta’ Malta.

“Huwa dritt tagħkom it-tfal li titkellmu u huwa d-dmir tagħna l-adulti li nisimgħukom, nagħrblu x’qed tgħidu u naġixxu”.  Dan qalitu l-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca fl-okkażjoni tal-ewwel summit tat-tfal fi ħdan il-Commonwealth bi tħejjija għal-laqgħa tal-mexxejja tal-gvernijiet tal-pajjiżi fil-Commonwealth, iċ-CHOGM. Dan is-summit kien inizjattiva bejn Eko Skola, il-Fondazzjoni tal-President għall-ġid tas-Soċjetà, u t-Task Force taċ-CHOGM.

 

Fid-diskors li fetaħ dan is-summit, il-President ta’ Malta sostniet li huwa d-dritt tat-tfal li joħroġ mill-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda għad-Drittijiet tat-Tfal li ġie iffirmata bħal-lum 26 sena ilu.  “Għandkom tkunu kburin li intkom it-tfal Maltin qed tiktbu l-istorja fi ħdan il-Commonwealth billi qed tiltaqgħu llum biex titkellmu dwar x’tixtiequ taraw aħjar fid-dinja, biex pajjiżna jkun dejjem minn ta’ quddiem.”

 

Il-President spjegat kif qatt qabel fl-istorja taċ-CHOGM ma tlaqqgħu t-tfal biex jitkellmu u jipproponu tibdil għall-ġid tas-600 miljun tfal u żgħażagħ fi ħdan it-53 pajjiż fi ħdan il-Commonwealth. Il-President qalet lit-tfal li tinsab tassew kburija bihom li qed ikunu parti minn dan il-proċess.

 

Fost il-proposti li se jitwasslu fil-laqgħa tal-Commonwealth li se jitlaqqa’ f’Malta l-ġimgħa d-dieħla, huma l-proposti li ħarġu fuq il-bullying, liema proposti ħarġu minn proċess ta’ konsultazzjoni li saret mat-tfal fuq is-suġġett mill-Fondazzjoni tal-President tal-ġid tas-Soċjetà.  Din il-konsultazzjoni u l-proposti li ħarġu bihom it-tfal ġew diskussi f’konferenza nazzjonali apposta, organizzata mill-istess Fondazzjoni.

 

Waqt is-summit ta’ Eko Skola għat-tfal, il-President ta’ Malta ħeġġet lit-tfal biex isemmgħu leħinhom, għaliex dan huwa d-dritt tagħhom li jesprimu dak li jħossu, mhux biss għall-ġid tagħhom iżda wkoll għall-ġid tal-ġenerazzjonijiet futuri.